LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w17 April pp. 27-32
  • Jalla l-​ispirtu volontarju tiegħek iġib tifħir lil Ġeħova!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jalla l-​ispirtu volontarju tiegħek iġib tifħir lil Ġeħova!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • INT “X’TAGĦTIH?”
  • ALLA JIBDEL IL-​BIŻAʼ F’KURAĠĠ
  • ATTITUDNIJIET DIFFERENTI ĦAFNA DWAR IS-​SERVIZZ VOLONTARJU
  • FAĦĦRU LIL ĠEĦOVA!
  • Bil-fidi, Barak Ħarbat Armata b’Saħħitha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Mexxej ġdid u żewġ nisa kuraġġużi
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Żewġ Nisa Kuraġġużi
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Imħallfin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
w17 April pp. 27-32
Barak u l-irġiel tiegħu jiġru wara Sisera u l-armata tiegħu

Jalla l-​ispirtu volontarju tiegħek iġib tifħir lil Ġeħova!

“Talli n-​nies offrew ruħhom bħala volontieri, bierku [jew faħħru] lil Ġeħova.”—IMĦALLFIN 5:2.

GĦANJIET: 150, 10

INT GĦALA TEMMEN LI . . .

  • Ġeħova ma jkunx ferħan meta ma nagħtuhx l-​aħjar tagħna?

  • Ġeħova jinnota u jippremja s-​servizz leali tal-​bnedmin?

  • Ġeħova japprezza l-​fatt li int lest li taqdi bħala volontier?

1, 2. (a) Elifaż u Bildad x’qalu dwar kif Alla jqis is-​servizz tagħna? (b) Ġeħova kif wieġeb għal dan?

ĦAFNA snin ilu, tlett irġiel marru jkellmu lil qaddej leali t’Alla jismu Ġob. Wieħed mill-​irġiel, Elifaż it-​Temani, staqsa lil Ġob xi mistoqsijiet interessanti: “Jistaʼ raġel b’saħħtu jkun utli għal Alla, li xi ħadd li għandu d-​dehen ikun utli għalih? Se jitgħaxxaq Dak li Jistaʼ Kollox għax int ġust, jew jikseb xi ħaġa għax int tagħmel triqtek bla ħtija?” (Ġob 22:1-​3) Elifaż bla dubju ħaseb li t-​tweġiba kienet le. Bildad is-​Suħi, raġel ieħor mit-​tlieta, imbagħad żied jgħid li huwa impossibbli għall-​bnedmin li jkunu kkunsidrati ġusti minn Alla.—Aqra Ġob 25:4.

Kwalunkwe kwalità jew abbiltà tajba li għandna ġejja mingħand Ġeħova, u hu jinnota kif nużawha

2 Elifaż u Bildad ipprovaw iġiegħlu lil Ġob iħoss li l-​isforzi tiegħu biex jaqdi lil Ġeħova ma kienu jiswew xejn. Dawn l-​irġiel riedu lil Ġob jemmen li għal Alla m’aħniex taʼ valur iktar mill-​kamla, dudu, jew ħanex. (Ġob 4:19; 25:6) Kienu dawn qed jgħidu hekk għax kienu umli? (Ġob 22:29) Huwa veru li Ġeħova hu kbir b’mod suprem u li aħna żgħar ħafna meta mqabblin miegħu. Jekk inkunu fuq quċċata taʼ muntanja jew nittawlu ’l barra minn tieqa t’ajruplan, ikollna idea taʼ kemm aħna żgħar u insinifikanti. Imma huwa dan kif iħossu Ġeħova dwar l-​isforzi li nagħmlu biex naqduh u dwar kemm naħdmu iebes għas-​Saltna? Le! Ġeħova qal lil Elifaż, Bildad, u t-​tielet raġel, Sofar, li kienu qed jigdbu. Imbagħad Alla qal li kien ferħan b’Ġob u sejjaħlu “l-​qaddej tiegħi.” (Ġob 42:7, 8) Allura nistgħu nkunu ċerti li bnedmin imperfetti jistgħu ‘jkunu utli għal Alla.’

INT “X’TAGĦTIH?”

3. Eliħu x’qal dwar l-​isforzi tagħna biex naqdu lil Ġeħova? X’ried ifisser b’dan?

3 Żagħżugħ jismu Eliħu kien qed jismaʼ l-​konversazzjoni bejn Ġob u t-​tlett irġiel. Meta spiċċat, Eliħu staqsa lil Ġob dwar Ġeħova: “Jekk int tassew fis-​sewwa, x’tagħtih, jew x’jirċievi minn idek stess?” (Ġob 35:7) Kien Eliħu wkoll qed jipprova jgħid li l-​isforzi tagħna biex naqdu lil Alla ma jiswew xejn? Le. Ġeħova ma kkoreġiex lil Eliħu, bħalma kien għamel lill-​irġiel l-​oħra. Eliħu kien qed joħroġ punt differenti. Kien qed jgħid li Ġeħova m’għandux bżonn lilna biex naqduh. Ġeħova hu komplut. M’hemm xejn li aħna nistgħu nagħmlu li se jagħmlu iktar sinjur jew b’saħħtu. Fil-​fatt, kwalunkwe kwalità jew abbiltà tajba li għandna ġejja mingħand Alla, u hu jinnota kif nużawha.

4. Ġeħova kif iħossu meta tkun ħanin m’oħrajn?

4 Meta nuru mħabba leali lejn dawk li jqimu lil Ġeħova, hu jqis dawn l-​azzjonijiet bħallikieku saru miegħu persunalment. Fi Proverbji 19:17 naqraw: “Min iħenn għall-​batut ikun qed jislef lil Ġeħova, u Hu se jħallsu lura għal kif ittrattah.” Tabilħaqq, Ġeħova jinnota kull darba li nuru ħniena m’oħrajn. U minkejja li hu l-​Ħallieq tal-​univers, Ġeħova saħansitra jagħżel li jqis dawn l-​azzjonijiet bħala self persunali lilu, li mbagħad hu jħallas lura b’ħafna għotjiet meraviljużi. Iben Alla, Ġesù, ikkonfermah dan.—Aqra Luqa 14:13, 14.

5. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?

5 Fiż-​żminijiet tal-​qedem, Ġeħova stieden lill-​profeta Isaija biex jirrappreżentah u jaqdih b’mod speċjali. (Isaija 6:8-​10) Isaija minn jeddu aċċetta l-​istedina u qal: “Hawn jien! Ibgħat lili.” Illum, ukoll, Ġeħova jagħti l-​opportunità lil nies leali biex jieħdu sehem fix-​xogħol tiegħu. Eluf taʼ qaddejja taʼ Ġeħova qed juru li għandhom l-​istess attitudni bħal t’Isaija. Huma lesti li jaċċettaw inkarigi biex jaqdu lil Ġeħova b’ħafna modi u f’postijiet differenti u biex jittrattaw maʼ ċirkustanzi u sfidi diffiċli. Imma xi ħadd jistaʼ jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Jien napprezza l-​opportunità biex inkun volontier fis-​servizz taʼ Ġeħova, imma tassew jimporta dak li nagħmel persunalment? Bija u mingħajri, Ġeħova mhux xorta se jagħmel ċert li x-​xogħol tiegħu jsir?’ Ġieli ħassejtek hekk? Ejja niddiskutu kif xi ġrajjiet fil-​ħajja taʼ żewġ qaddejja taʼ Ġeħova fil-​passat, Debora u Barak, jistgħu jgħinuna nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

ALLA JIBDEL IL-​BIŻAʼ F’KURAĠĠ

6. Għala kien jidher li l-​armata taʼ Ġabin setgħet faċilment tegħleb lill-​Iżraelin?

6 Barak kien gwerrier Iżraeli, u Debora kienet profetessa. Għal 20 sena, sultan Kangħani jismu Ġabin “ħaqar lil ulied Israel bi ħruxija.” L-​armata taʼ Ġabin tant kienet vjolenti u krudili li l-​Iżraelin li kienu jgħixu fl-​irħula kienu saħansitra jibżgħu joħorġu minn djarhom. L-​armata taʼ Ġabin kellha 900 karru tal-​gwerra bi xfafar tal-​ħadid, imma l-​Iżraelin ma kellhomx armi addattati biex jiġġieldu bihom jew armaturi biex jipproteġu lilhom infushom.—Imħallfin 4:1-​3, 13; 5:6-​8.a (Ara n-​nota taʼ taħt.)

7, 8. (a) X’kienu l-​ewwel istruzzjonijiet li Ġeħova ta lil Barak? (b) L-​Iżraelin kif għelbu lill-​armata taʼ Ġabin? (Ara l-​ewwel stampa.)

7 Imqabblin mal-​armata taʼ Ġabin, l-​Iżraelin dehru dgħajfin u faċli jingħelbu. Imma Ġeħova kkmanda lil Barak permezz taʼ Debora l-​profetessa: “Mur u nfirex mal-​Muntanja Tabor, u trid tieħu miegħek għaxart elef raġel minn ulied Naftali u minn ulied Żebulun. U jien niġbed lejk fil-​wied taʼ Kison lil Sisera l-​kap taʼ l-​armata taʼ Ġabin u l-​karrijiet tal-​gwerra tiegħu u l-​folla tiegħu, u jien tabilħaqq nagħtih f’idejk.”—Imħallfin 4:4-​7.

8 Saret sejħa għal volontieri, u 10,000 raġel inġabru ħdejn il-​Muntanja Tabor. Imbagħad, Barak u l-​irġiel tiegħu marru għall-​battalja kontra l-​armata tal-​għadu f’post li jissejjaħ Tagħnak. (Aqra Mħallfin 4:14-​16.) Għenhom Ġeħova lill-​Iżraelin? Iva. F’daqqa waħda kien hemm maltempata taʼ xita, u l-​art niexfa fejn kienu qed jiġġieldu saret tajn. Dan ta vantaġġ lill-​Iżraelin. Barak ġera wara l-​armata taʼ Sisera għal 24 kilometru, it-​triq kollha sa post li jissejjaħ Ħaroset. Xi mkien matul it-​triq, il-​karru tal-​gwerra taʼ Sisera weħel fit-​tajn. Allura Sisera niżel minnu u ġera lejn Sagħnannim, li probabbli kien viċin Kades. Hemmhekk, mar jistaħba f’tinda taʼ mara jisimha Ġagħel. Sisera kien għajjien mejjet u raqad fil-​fond. Waqt li kien rieqed, Ġagħel b’kuraġġ qatlitu. (Imħallfin 4:17-​21) Ġeħova kien rebbaħ lill-​Iżraelin kontra l-​għadu tagħhom!b (Ara n-​nota taʼ taħt.)

ATTITUDNIJIET DIFFERENTI ĦAFNA DWAR IS-​SERVIZZ VOLONTARJU

9. X’nitgħallmu dwar il-​battalja kontra Sisera minn Imħallfin 5:20, 21?

9 Billi naqraw il-​kapitlu li jmiss tal-​Imħallfin, aħna nitgħallmu iktar dwar il-​ġrajjiet deskritti f’kapitlu 4. Imħallfin 5:20, 21 jgħidilna: “Mis-​sema ġġieldu l-​kwiekeb, mill-​orbiti tagħhom iġġieldu kontra Sisera. Il-​wied taʼ Kison kaxkarhom.” Ifisser dan li l-​anġli għenu lill-​Iżraelin waqt il-​battalja jew li kien hemm xita taʼ meteoriti? Il-​Bibbja ma tispjegax. Imma jidher raġunevoli li naħsbu li Ġeħova ħeles lill-​poplu tiegħu billi ġiegħel xita qalila tinżel f’dak il-​post u l-​ħin eżatt, sabiex id-​900 karru tal-​gwerra ma jkunux jistgħu jiċċaqalqu faċilment. Fi Mħallfin 4:14, 15 naqraw tliet darbiet li Ġeħova ngħata l-​krettu għar-​rebħa tal-​Iżraelin. L-​ebda wieħed mill-​10,000 volontier Iżraeli ma setaʼ jieħu l-​krettu għal dan.

10, 11. X’kien Meroż u għala ġie misħut?

10 Issa ejja neżaminaw xi ħaġa interessanti ħafna. Wara r-​rebħa tal-​Iżrael, Debora u Barak kantaw tifħir lil Ġeħova. Huma kantaw: “‘Isħtu lil Meroż,’ qal l-​anġlu taʼ Ġeħova, ‘isħtu lill-​abitanti tiegħu bla waqfien, għax ma ġewx jgħinu lil Ġeħova, jgħinu lil Ġeħova mas-​setgħanin.’”—Imħallfin 5:23.

11 X’kien eżatt Meroż? Ma nafux fiċ-​ċert. Imma s-​saħta fuq Meroż tant kienet effettiva li t-​traċċi kollha tiegħu sparixxew. Jistaʼ jkun li Meroż kienet belt li l-​abitanti tagħha ma offrewx lilhom infushom bħala volontieri biex jingħaqdu maʼ Barak fil-​battalja. Peress li kien hemm 10,000 volontier għall-​battalja kontra l-​Kangħanin, in-​nies taʼ Meroż bilfors li kienu semgħu s-​sejħa għal volontieri. Jew Meroż setaʼ kien belt li Sisera għadda minnha waqt li kien qed jipprova jaħrab minn Barak. Jistaʼ jkun li n-​nies taʼ Meroż kellhom iċ-​ċans jaqbdu lil Sisera imma m’għamlux dan. Immaġinahom jaraw lill-​gwerrier aħrax jiġri biex isalva ħajtu fit-​toroq tagħhom! Huma setgħu għamlu xi ħaġa taʼ siwi biex jappoġġjaw l-​iskop taʼ Ġeħova. Kieku għamlu dan, hu setaʼ jippremjahom. Imma meta kellhom iċ-​ċans biex jagħmlu xi ħaġa għal Ġeħova, m’għamlu xejn. Jidher li n-​nies taʼ Meroż kienu differenti ħafna minn Ġagħel, li aġixxiet b’kuraġġ.—Imħallfin 5:24-​27.

Aħna rridu neżaminaw l-​attitudni tagħna dwar li naqdu lil Alla

12. Fi Mħallfin 5:9, 10, x’kuntrast nistgħu naraw fl-​attitudni tan-​nies? Dan kif għandu jeffettwana?

12 Fi Mħallfin 5:9, 10 naraw li l-​attitudni tal-​10,000 volontier kienet differenti ħafna mill-​attitudni taʼ dawk li ma vvolontarjawx. Debora u Barak faħħru l-​“kmandanti taʼ Israel, li kienu volontieri fost il-​poplu.” Huma kienu differenti ħafna minn dawk “rekbin fuq ħmir nisa taʼ lewn ċar,” li ħassew li kienu wisq importanti għas-​servizz volontarju. Dawn in-​nies huma deskritti bħala wħud li ‘joqogħdu bil-​qiegħda fuq tapiti lussużi’ u ‘li jimxu fit-​triq,’ igawdu ħajja komda. B’kuntrast, il-​volontieri minn jeddhom marru maʼ Barak biex jiġġieldu fuq l-​għoljiet bil-​blat taʼ Tabor u l-​wied kollu tajn u ċaflis taʼ Kison. Dawk li riedu ħajja faċli ntqalilhom: “Ikkunsidraw dan.” Huma kellhom bżonn joqogħdu attenti u jaħsbu dwar l-​opportunitajiet li kienu tilfu peress li ma vvolontarjawx għax-​xogħol taʼ Ġeħova. Illum, aħna wkoll irridu neżaminaw l-​attitudni tagħna dwar li naqdu lil Alla.

13. L-​attitudni tat-​tribujiet taʼ Ruben, Dan, u Aser kif kienet differenti minn dik taʼ Żebulun u Naftali?

13 L-​10,000 volontier kellhom l-​opportunità li jaraw għalihom infushom kif Ġeħova jaġixxi bħala Mexxej Sovran. Huma setgħu jgħidu lil oħrajn dwar dan meta tkellmu fuq “l-​atti ġusti taʼ Ġeħova.” (Imħallfin 5:11) B’kuntrast, it-​tribujiet taʼ Ruben, Dan, u Aser kien jimpurtahom iktar mill-​affarijiet materjali tagħhom, bħall-​imrieħel, bastimenti, u portijiet, milli mix-​xogħol taʼ Ġeħova. (Imħallfin 5:15-​17) Imma mhux it-​tribujiet kollha kienu hekk. Dawk taʼ Żebulun u Naftali ‘ssograw ruħhom sal-​mewt’ biex jappoġġjaw lil Debora u Barak. (Imħallfin 5:18) Aħna nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti ħafna minn dawn l-​attitudnijiet differenti lejn is-​servizz volontarju.

FAĦĦRU LIL ĠEĦOVA!

14. Aħna kif nuru li nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova llum?

14 Illum, aħna ma nappoġġjawx it-​tmexxija taʼ Ġeħova billi niġġieldu. Minflok, nuru l-​appoġġ tagħna billi nippritkaw b’kuraġġ u b’żelu. Iktar minn qatt qabel, hemm bżonn taʼ volontieri għax-​xogħol taʼ Ġeħova. Miljuni t’aħwa rġiel u nisa qed joffru lilhom infushom f’diversi oqsma taʼ servizz full-​time bħala pijunieri, Beteliti, u volontieri fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna. U ħafna, kemm kbar u żgħar, jaqdu bħala volontieri f’assembleat u konvenzjonijiet. Xi anzjani qed jaħdmu iebes fil-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet u jorganizzaw konvenzjonijiet. Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova japprezza l-​fatt li naqduh minn jeddna fi kwalunkwe mod meħtieġ u li hu mhux se jinsa l-​isforzi tagħna.—Ebrej 6:10.

Ħu jikkunsidra l-konsegwenzi spiritwali jekk jaċċetta offerta taʼ impjieg u jiddeċiedi li ma jaċċettahiex

Qabel ma tieħu deċiżjoni, aħseb dwar kif din se teffettwa lill-​familja u l-​kongregazzjoni tiegħek (Ara paragrafu 15)

15. Kif nistgħu nagħmlu ċert li m’aħniex nitilfu l-​entużjażmu tagħna għax-​xogħol taʼ Ġeħova?

15 Jeħtieġ neżaminaw l-​attitudni tagħna stess dwar is-​servizz volontarju. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed jien inħalli lil oħrajn jagħmlu l-​biċċa l-​kbira mix-​xogħol? Ikkonċernat jien iktar f’li nakkwista affarijiet materjali milli f’li naqdi lil Ġeħova? Jew qed nimita l-​fidi u l-​kuraġġ taʼ Barak, Debora, Ġagħel, u l-​10,000 volontier billi nuża r-​riżorsi li għandi biex naqdi lil Ġeħova? Qiegħed naħseb biex immur ngħix f’belt jew pajjiż ieħor biex nagħmel iktar flus u jkolli ħajja aħjar? Jekk inhu hekk, qed nitlob lil Ġeħova dwar kif din iċ-​ċaqliqa se teffettwa l-​familja u l-​kongregazzjoni tiegħi?’c (Ara n-​nota taʼ taħt.)

16. Għalkemm Ġeħova ma jonqsu xejn, x’nistgħu nagħtuh?

16 Ġeħova jagħtina unur inkredibbli billi jħallina nappoġġjaw it-​tmexxija tiegħu. Minn żmien Adam u Eva, ix-​Xitan ried li l-​bnedmin iżommu miegħu u jiħduha kontra Ġeħova. Imma meta nappoġġjaw it-​tmexxija taʼ Ġeħova, aħna nuru lil Satana b’mod ċar maʼ min inżommu. Il-​fidi u l-​lealtà tagħna jimmotivawna biex inkunu volontieri fis-​servizz taʼ Ġeħova, u dan iferrħu ħafna. (Proverbji 23:15, 16) Alla tagħna jistaʼ juża l-​appoġġ u l-​ubbidjenza leali tagħna biex iwieġeb it-​tgħajjir taʼ Satana. (Proverbji 27:11) L-​ubbidjenza tagħna hi xi ħaġa li nistgħu nagħtu lil Ġeħova. Din hi prezzjuża għalih u tferrħu ferm.

17. Imħallfin 5:31 x’jgħallimna dwar x’se jiġri fil-​futur?

17 Dalwaqt, kulħadd se jippreferi t-​tmexxija taʼ Ġeħova minn kwalunkwe tmexxija oħra. Kemm inħarsu ’l quddiem għal dan iż-​żmien! Aħna nħossuna bħal Debora u Barak, li kantaw: “Ħa jgħibu l-​għedewwa kollha tiegħek, O Ġeħova, u ħa jkunu dawk li jħobbuk bħal meta x-​xemx toħroġ fl-​aqwa tagħha.” (Imħallfin 5:31) Dan se jiġri meta Ġeħova jġib fix-​xejn id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. Meta l-​battalja t’Armageddon tibda, Ġeħova mhux se jkollu bżonn volontieri umani biex jeqred lill-​għadu. Minflok, aħna se nieqfu sodi u ‘naraw is-​salvazzjoni minn Ġeħova.’ (2 Kronaki 20:17) Sadattant, għandna opportunitajiet meraviljużi biex nappoġġjaw it-​tmexxija taʼ Ġeħova b’kuraġġ u żelu.

18. Is-​servizz volontarju tiegħek kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal oħrajn?

18 Debora u Barak bdew l-​għanja taʼ rebħa tagħhom b’tifħir lil Ġeħova, mhux lill-​bnedmin. Huma kantaw: “Talli n-​nies offrew ruħhom bħala volontieri, bierku [jew faħħru] lil Ġeħova.” (Imħallfin 5:1, 2) B’mod simili, meta naqdu lil Ġeħova fi kwalunkwe mod meħtieġ, oħrajn jistgħu jiġu inkuraġġiti jfaħħru lil Ġeħova wkoll!

a Dawn ix-​xfafar kienu twal u xi drabi milwijin għat-​tond. Kienu jitwaħħlu mal-​karrijiet tal-​gwerra u wisq probabbli joħorġu mill-​fus tar-​roti. Min kien se jażżarda jersaq ħdejn magni qerrieda bħal dawn?

b Tistaʼ taqra iktar dwar dawn il-ġrajjiet eċċitanti fl-artiklu “‘I Arose as a Mother in Israel’” fit-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 t’Awwissu 2015

c Ara l-​artiklu “Ansjetà dwar il-​flus” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Lulju 2015.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja