X’Inhi l-Watch Tower Bible and Tract Society?
Il-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania hi korporazzjoni li m’għandhiex skop taʼ profitt u li ġiet stabbiltà fl-1884 taħt il-liġijiet tal-Commonwealth of Pennsylvania, l-Istati Uniti tal-Amerika. Din tintuża mix-Xhieda taʼ Ġeħova biex tappoġġa x-xogħol tagħhom taʼ madwar id-dinja, u dan jinkludi li jistampaw Bibbji u letteratura bbażata fuq il-Bibbja.
Fi qbil mad-dokument tagħha, l-iskopijiet tal-korporazzjoni huma “reliġjużi, edukattivi, u karitattivi.” B’mod partikulari, l-iskop hu biex “tipprietka u tgħallem l-evanġelju tas-Saltna t’Alla taħt Kristu Ġesù.” Is-sħubija mal-korporazzjoni ssir biss bi stedina u din m’għandhiex x’taqsam maʼ kemm persuna tkun tat donazzjonijiet. Il-membri u d-diretturi tal-korporazzjoni jgħinu lill-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova.
Entitajiet Legali li Jikkooperaw Magħha
Minbarra l-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw diversi entitajiet legali f’pajjiżi oħrajn. Xi ftit minn dawn l-entitajiet għandhom fl-isem tagħhom termini bħal “Watch Tower,” “Watchtower,” jew inkella traduzzjoni taʼ waħda minn dawn.
Dawn id-diversi entitajiet legali għenuna nwettqu ħafna affarijiet minn mindu ġew stabbiliti, bħal dawn li ġejjin:
Kitba u ppubblikar. Aħna ppubblikajna madwar 253 miljun Bibbja. Il-pubblikazzjonijiet tagħna huma disponibbli f’iktar minn 1,050 lingwa. Permezz tal-website jw.org, in-nies jistgħu jaqraw il-Bibbja online b’xejn f’iktar minn 300 lingwa u jistgħu jsibu tweġibiet mill-Bibbja għal mistoqsijiet bħal, “X’Inhi s-Saltna t’Alla?”
Edukazzjoni. Aħna għandna diversi skejjel li jipprovdu tagħlim mill-Bibbja. Pereżempju, mill-1943 ’il hawn, madwar 10,000 Xhud taʼ Ġeħova bbenefika minn taħriġ intensiv li ġie provdut fl-Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead). Din tħarriġhom biex jaqdu bħala missjunarji jew biex jistabbilixxu u jsaħħu x-xogħol tagħna taʼ madwar id-dinja. U kull ġimgħa, miljuni taʼ nies, inkluż uħud li mhumiex Xhieda, jirċievu istruzzjoni fil-laqgħat li jsiru fil-kongregazzjonijiet tagħna. Aħna għandna wkoll klassijiet biex ngħinu n-nies jitgħallmu jaqraw u jiktbu u stampajna ktieb f’136 lingwa biex ikun t’għajnuna għalihom.
Karità. Aħna pprovdejna għajnuna materjali lil uħud li batew minħabba xi traġedja—kemm jekk saret mill-bniedem, bħall-ġenoċidju li sar fl-Irwanda fl-1994, u kemm jekk kienet diżastru naturali, bħat-terremot li sar fil-Haiti fl-2010.
Għalkemm twettaq ħafna xogħol permezz tal-korporazzjonijiet u l-entitajiet legali li nużaw, ix-xogħol tagħna ma jiddependi minn ebda waħda minnhom. Kull Kristjan għandu r-responsabbiltà persunali li jwettaq il-kmand li tana Alla biex jipprietka u jgħallem l-aħbar tajba. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Aħna nemmnu li Alla qed jappoġġa x-xogħol tagħna u li se jkompli jkun ‘il-wieħed li jkabbar.’—1 Korintin 3:6, 7.