LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ijwfq artiklu 44
  • X’jemmnu x-Xhieda taʼ Ġeħova?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’jemmnu x-Xhieda taʼ Ġeħova?
  • Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Materjal Simili
  • X’Jemmnu x-Xhieda taʼ Ġeħova
    X’Jemmnu x-Xhieda taʼ Jehovah?
  • X’inhi s-Saltna t’Alla?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
    “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
  • X’Inhi s-​Saltna t’Alla?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
ijwfq artiklu 44
Tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova jippritkaw lil waħda mara

X’jemmnu x-​Xhieda taʼ Ġeħova?

Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nagħmlu l-​almu tagħna biex insegwu l-​Kristjanità li għallem Ġesù u li pprattikaw l-​appostli tiegħu. F’dan l-​artiklu se ssib it-​twemmin bażiku tagħna fil-​qosor.

  1. Alla. Aħna nqimu l-​Alla l-​veru li Jistaʼ Kollox, il-​Ħallieq, li ismu hu Ġeħova. (Salm 83:18; Rivelazzjoni 4:11) Hu l-​Alla t’Abraham, Mosè, u Ġesù.—Eżodu 3:6; 32:11; Ġwanni 20:17.

  2. Il-​Bibbja. Aħna nirrikonoxxu li l-​Bibbja hi messaġġ imnebbaħ minn Alla għall-​bnedmin. (Ġwanni 17:17; 2 Timotju 3:16) Aħna nibbażaw it-​twemmin tagħna fuq is-​66 ktieb li fiha, u dawn jinkludu kemm it-​“Testment il-​Qadim” u kemm it-​“Testment il-​Ġdid.” Il-​professur Jason D. BeDuhn iddeskriva b’mod tajjeb dan meta kiteb li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jibbażaw it-​twemmin u l-​prattiki tagħhom fuq dak li tgħid il-​Bibbja verament, mingħajr ma jiddeċiedu minn qabel x’jaħsbu li suppost tgħid il-​Bibbja.a

    Filwaqt li naċċettaw il-​Bibbja kollha, m’aħniex fundamentalisti. Aħna nirrikonoxxu li siltiet mill-​Bibbja huma miktubin b’mod figurattiv jew simboliku u li m’għandhomx jinftiehmu b’mod letterali.—Rivelazzjoni 1:1.

  3. Ġesù. Aħna nsegwu t-​tagħlim u l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu u nonorawh bħala s-​Salvatur tagħna u bħala l-​Iben t’Alla. (Mattew 20:28; Atti 5:31) B’hekk, aħna Kristjani. (Atti 11:26) Però, mill-​Bibbja tgħallimna li Ġesù mhuwiex Alla li Jistaʼ Kollox u li m’hemm l-​ebda bażi Skritturali għat-​tagħlim tat-​Trinità.—Ġwanni 14:28.

  4. Is-​Saltna t’Alla. Din hi gvern reali fis-​sema u mhux xi kundizzjoni f’qalb il-​Kristjani. Din se tieħu post il-​gvernijiet umani u se twettaq l-​iskop t’Alla għall-​art. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) Dawn il-​ġrajjiet dalwaqt se jseħħu, għax il-​profeziji tal-​Bibbja jindikaw li qegħdin ngħixu “fl-​aħħar jiem.”—2 Timotju 3:1-​5; Mattew 24:3-​14.

    Ġesù hu s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla fis-​sema. Hu beda jsaltan fl-​1914.—Rivelazzjoni 11:15.

  5. Is-​salvazzjoni. Il-​ħelsien mid-​dnub u l-​mewt huwa possibbli permezz tas-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù. (Mattew 20:28; Atti 4:12) Biex jibbenefikaw minn dan is-​sagrifiċċju, in-​nies mhux biss iridu jeżerċitaw il-​fidi f’Ġesù imma wkoll ibiddlu l-​mod kif jgħixu u jitgħammdu. (Mattew 28:19, 20; Ġwanni 3:16; Atti 3:19, 20) L-​għemejjel taʼ dak li jkun juru li l-​fidi tiegħu hi ħajja. (Ġakbu 2:24, 26) Madankollu, is-​salvazzjoni mhijiex xi ħaġa li tistaʼ tinkiseb bis-​saħħa tagħna​—din tiġi mill-​“qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.”—Galatin 2:16, 21.

  6. Is-​sema. Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, u l-​anġli leali jgħixu fil-​qasam tal-​ispirti.b (Salm 103:19-​21; Atti 7:55) Għadd żgħir taʼ bnedmin​—144,000​—se jiġu rxoxtati biex jgħixu fis-​sema u jsaltnu maʼ Ġesù fis-​Saltna.—Danjel 7:27; 2 Timotju 2:12; Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1, 3.

  7. Mara u tifla żgħira jaħdmu flimkien fi ġnien bil-fjuri

    L-​art. Alla ħalaq l-​art biex tkun id-​dar tal-​bnedmin għal dejjem. (Salm 104:5; 115:16; Ekkleżjasti 1:4) Alla se jbierek lill-​bnedmin ubbidjenti b’saħħa perfetta u b’ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-​art.—Salm 37:11, 34.

  8. Il-​ħażen u t-​tbatija. Dawn bdew meta wieħed mill-​anġli t’Alla rribella. (Ġwanni 8:44) Dan l-​anġlu, li wara li rribella beda jissejjaħ “Satana” u “Xitan,” ikkonvinċa lill-​ewwel koppja umana biex jingħaqdu miegħu, u l-​konsegwenzi ma setgħux ikunu agħar għad-​dixxendenti tagħhom. (Ġenesi 3:1-​6; Rumani 5:12) Sabiex jissetilja l-​kwistjonijiet morali li qajjem Satana, Alla ppermetta l-​ħażen u t-​tbatija, imma mhuwiex se jippermetti li jibqgħu għal dejjem.

  9. Il-​mewt. In-​nies li jmutu ma jibqgħux jeżistu. (Salm 146:4; Ekkleżjasti 9:5, 10) Ma jbatux f’xi nar tal-​infern.

    Alla se jqajjem mill-​mewt lil biljuni taʼ nies permezz taʼ rxoxt. (Atti 24:15) Madankollu, dawk li ma jkunux iridu jitgħallmu l-​mogħdijiet t’Alla wara li jingħataw lura l-​ħajja se jiġu meqrudin għal dejjem mingħajr tama taʼ rxoxt.—Rivelazzjoni 20:14, 15.

  10. Raġel u martu u ż-żewġ uliedhom iqattgħu ħin flimkien barra

    Il-​familja. Aħna nżommu mal-​livell oriġinali t’Alla għaż-​żwieġ, jiġifieri għaqda bejn raġel wieħed u mara waħda. L-​unika bażi għal divorzju hi l-​immoralità sesswali. (Mattew 19:4-​9) Aħna konvinti li l-​għerf li nsibu fil-​Bibbja jgħin lill-​familji biex jirnexxu.—Efesin 5:22–6:1.

  11. Il-​qima tagħna. Aħna ma nqimux is-​salib jew xi xbieha oħra. (Dewteronomju 4:15-​19; 1 Ġwanni 5:21) Aspetti importanti ħafna tal-​qima tagħna jinkludu dan li ġej:

    • Nitolbu lil Alla.​—Filippin 4:6.

    • Naqraw u nistudjaw il-​Bibbja.​—Salm 1:​1-​3.

    • Nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu mill-​Bibbja.​—Salm 77:12.

    • Niltaqgħu flimkien biex nitolbu, nistudjaw il-​Bibbja, inkantaw, nesprimu l-​fidi tagħna, u ninkuraġġixxu lil sħabna x-​Xhieda u lil oħrajn.​—Kolossin 3:​16; Ebrej 10:23-​25.

    • Nippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna.”​—Mattew 24:14.

    • Ngħinu lil dawk fil-​bżonn.​—Ġakbu 2:​14-​17.

    • Nibnu u nieħdu ħsieb Swali tas-​Saltna u faċilitajiet oħrajn li jintużaw biex imexxu ’l quddiem ix-​xogħol edukattiv mill-​Bibbja mad-​dinja kollha.​—Salm 127:1.

    • Ngħinu meta jseħħ xi diżastru.​—Atti 11:27-​30.

    Laqgħa tal-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova
  12. L-​organizzazzjoni tagħna. Aħna organizzati f’kongregazzjonijiet, u kull kongregazzjoni jieħdu ħsiebha ġemgħa taʼ anzjani. Però, l-​anzjani mhumiex parti minn klassi tal-​kleru, u ma jiġux imħallsin. (Mattew 10:8; 23:8) Aħna ma nagħtux l-​għexur, u fil-​laqgħat tagħna ma jsir l-​ebda ġbir. (2 Korintin 9:7) L-​attivitajiet kollha tagħna huma appoġġati minn donazzjonijiet li jingħataw b’mod anonimu.

    Il-​Ġemgħa li Tiggverna, grupp żgħir taʼ Kristjani maturi li jaqdu fil-​kwartieri ġenerali tagħna, tipprovdi direzzjoni għax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja.—Mattew 24:45.

  13. L-​unità tagħna. It-​twemmin tagħna hu l-​istess mad-​dinja kollha, u b’hekk aħna magħqudin. (1 Korintin 1:10) Ukoll, naħdmu iebes biex ma jkunx hemm firdiet soċjali, etniċi, razzjali, jew bejn il-​klassijiet. (Atti 10:34, 35; Ġakbu 2:4) Madankollu, l-​unità tagħna xorta tippermettilna nagħmlu għażliet persunali. Kull Xhud jieħu d-​deċiżjonijiet fi qbil mal-​kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-​Bibbja.—Rumani 14:1-​4; Ebrej 5:14.

  14. L-​imġiba tagħna. Nagħmlu ħilitna biex nuru mħabba mingħajr egoiżmu f’kulma nagħmlu. (Ġwanni 13:34, 35) Nevitaw li nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla, u dan jinkludi li ma niħdux trasfużjoni tad-​demm. (Atti 15:28, 29; Galatin 5:19-​21) Aħna paċifiċi u ma niħdux sehem fil-​gwerer. (Mattew 5:9; Isaija 2:4) Nirrispettaw il-​gvern taʼ fejn ngħixu u nobdu l-​liġijiet dment li dawn ma jmorrux kontra l-​liġijiet t’Alla.—Mattew 22:21; Atti 5:29.

  15. Ir-​relazzjoni tagħna m’oħrajn. Ġesù kkmanda: “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Qal ukoll li l-​Kristjani “m’humiex parti mid-​dinja.” (Mattew 22:39; Ġwanni 17:16) Għalhekk, għalkemm nipprovaw “nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd,” nibqgħu newtrali għalkollox fi kwistjonijiet politiċi u ma nissiħbux maʼ reliġjonijiet oħrajn. (Galatin 6:10; 2 Korintin 6:14) Madankollu, nirrispettaw l-​għażliet li jagħmlu oħrajn fi kwistjonijiet bħal dawn.—Rumani 14:12.

Jekk għandek iktar mistoqsijiet dwar it-​twemmin tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, tistaʼ taqra iktar dwarna minn fuq il-​Websajt tagħna, tikkuntattja wieħed mill-​uffiċċji tagħna, tattendi laqgħa f’Sala tas-​Saltna qrib tiegħek, jew titkellem maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​inħawi tiegħek.

a Ara See Truth in Translation, paġna 165.

b L-​anġli mill-​agħar tkeċċew mis-​sema, imma għadhom jeżistu fil-​qasam tal-​ispirti.—Rivelazzjoni 12:7-​9.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja