It-Tlieta, 21 taʼ Ottubru
“Min jissaporti sal-aħħar se jsalva.”—Mt. 24:13.
Aħseb dwar l-affarijiet li tgawdi meta tkun paċenzjuż. Meta nkunu paċenzjużi, inkunu iktar ferħanin u kalmi. Il-paċenzja tistaʼ ttejjeb is-saħħa fiżika u mentali tagħna. Meta nkunu paċenzjużi m’oħrajn, se nsiru iktar ħbieb tagħhom. L-aħwa fil-kongregazzjoni se jkunu magħqudin iktar. Jekk xi ħadd idejjaqna u ma nirrabjawx, se nevitaw li nkabbru l-problema. (Salm 37:8, ntt.; Prov. 14:29) Imma l-iktar ħaġa importanti, inkunu qed nimitaw lil Missierna tas-sema u nersqu eqreb tiegħu. Il-paċenzja hi kwalità sabiħa ħafna u tgħin lil kulħadd. Mhux dejjem faċli biex inkunu paċenzjużi, imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu naħdmu biex ikollna din il-kwalità. U waqt li qed nistennew id-dinja l-ġdida, nistgħu nkunu ċerti li “għajnejn Ġeħova huma fuq dawk li jirrispettawh ħafna u li qed jistennewh jurihom imħabba u lealtà.” (Salm 33:18) Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nkomplu nuru l-paċenzja. w23.08 22 ¶7; 25 ¶16-17
L-Erbgħa, 22 taʼ Ottubru
“Il-fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.”—Ġak. 2:17.
Ġakbu qal li raġel forsi jgħid li għandu l-fidi, imma dak li jagħmel juri li mhux vera. (Ġak. 2:1-5, 9) Ġakbu qal ukoll li xi ħadd ra lil ‘ħu jew oħt li kienet nieqsa mill-ikel u ma kellhiex ħwejjeġ’ imma xorta m’għenhiex. Mela avolja dak ir-raġel qal li kellu l-fidi, l-affarijiet li għamel urew li ma kellux. Bħalma kiteb Ġakbu, “il-fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.” (Ġak. 2:14-16) Ġakbu qal li Raħab hi eżempju tajjeb taʼ xi ħadd li wera li kellu l-fidi b’dak li għamel. (Ġak. 2:25, 26) Hi kienet semgħet dwar Ġeħova u kienet taf li kien mal-Iżraelin. (Ġoż. 2:9-11) B’dak li għamlet uriet li hi kellha l-fidi, u minħabba l-fidi tagħha hi pproteġiet żewġ spiji Iżraelin li ħajjithom kienet fil-periklu. Minħabba dan, din il-mara imperfetta u li ma kinitx Iżraelija kienet ġusta f’għajnejn Ġeħova, eżatt bħalma kien Abraham. Minn Raħab nitgħallmu kemm hu importanti li nuru li għandna l-fidi b’dak li nagħmlu. w23.12 5 ¶12-13
Il-Ħamis, 23 taʼ Ottubru
“Jalla jkollkom għeruq b’saħħithom u tkunu sodi fuq il-pedament.”—Efes. 3:17.
Bħala Kristjani, aħna ma rridux nifhmu affarijiet faċli biss mill-Bibbja. L-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna nitgħallmu wkoll “l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Kor. 2:9, 10) Tistaʼ tagħmel studju fil-fond bil-mira li ssir ħabib iktar taʼ Ġeħova. Pereżempju tistaʼ tistudja dwar kif wera li jħobb lill-qaddejja tiegħu fil-passat, u kif dan juri li jħobb lilek ukoll. Tistaʼ tistudja wkoll dwar kif Ġeħova xtaq li jaqduh l-Iżraelin u kif dan jaqbel maʼ kif hu jrid li naqduh aħna. Jew tistaʼ tistudja fid-dettall il-profeziji li Ġesù wettaq meta kien fuq l-art. Se tieħu pjaċir ħafna li tfittex dwar suġġetti bħal dawn fil-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Jekk tistudja l-Bibbja fil-fond, se ssaħħaħ il-fidi tiegħek u “ssib l-għarfien t’Alla.”—Prov. 2:4, 5. w23.10 18-19 ¶3-5