Eżodu
35 Iktar tard, Mosè ġabar lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin flimkien u qalilhom: “Dawn huma l-affarijiet li Ġeħova kkmandana nagħmlu: 2 F’sitt ijiem jistaʼ jsir ix-xogħol, imma s-sebaʼ jum isir għalikom xi ħaġa qaddisa, sabat taʼ mistrieħ komplet lil Ġeħova. Kull min jagħmel xi xogħol fih jinqatel. 3 M’għandkomx tqabbdu n-nar f’xi post fejn tgħixu f’jum is-Sabat.”
4 Mosè mbagħad qal lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin: “Hekk ikkmanda Ġeħova, 5 ‘Iġbru minn fostkom kontribuzzjoni għal Ġeħova. Kull min lest li jagħti minn qalbu, ħa jġib kontribuzzjoni għal Ġeħova: deheb, fidda, ram, 6 ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, għażel fin, xagħar tal-mogħoż, 7 ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, ġlud tal-bumerin, injam tal-akaċja, 8 żejt għal-lampi, balzmu għaż-żejt tad-dlik u għall-inċens ifuħ, 9 ħaġar tal-oniċi, u ħaġar prezzjuż ieħor biex jitqiegħed mal-efod* u l-pettoral.*
10 “‘Kull min hu tas-sengħa* fostkom ħa jiġi u jagħmel kulma kkmanda Ġeħova, 11 jiġifieri t-tabernaklu bit-tinda u l-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u l-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien biex jgħattuh, il-ganċijiet u l-frejms magħmulin mit-twavel, il-lasti, il-kolonni, u l-pedestalli tiegħu b’toqba fihom; 12 l-Arka u l-lasti tagħha, l-għatu, u l-purtiera li tifred; 13 il-mejda u l-lasti tagħha, l-għodod kollha tagħha, u l-ħobż tal-preżenza; 14 il-gandlier għad-dawl u l-għodod tiegħu, il-lampi tiegħu, u ż-żejt għad-dawl; 15 l-artal tal-inċens u l-lasti tiegħu; iż-żejt tad-dlik u l-inċens ifuħ; il-purtiera għad-daħla tat-tabernaklu; 16 l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-gradilja tar-ram tiegħu, il-lasti u l-għodod kollha tiegħu; il-vaska u l-bażi tagħha; 17 il-purtieri mdendlin tal-bitħa, il-pilastri u l-pedestalli tagħha b’toqba fihom; il-purtiera tad-daħla tal-bitħa; 18 l-imsiemer tat-tinda tat-tabernaklu u l-imsiemer tat-tinda tal-bitħa u l-ħbula tagħhom; 19 il-ħwejjeġ minsuġin bl-aqwa mod biex jaqdu bihom fis-santwarju, il-ħwejjeġ qaddisa għal Aron il-qassis, u l-ħwejjeġ tat-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin.’”
20 Għalhekk, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin ħarġet minn quddiem Mosè. 21 Imbagħad, dawk kollha li qalbhom qanqlithom marru u ħadu l-kontribuzzjoni tagħhom għal Ġeħova biex tintuża għat-tinda tal-laqgħa, għas-servizz kollu tagħha, u għall-ħwejjeġ qaddisa. 22 L-irġiel flimkien man-nisa, kull min kien lest li jagħti minn qalbu baqaʼ jmur u jieħu labar li jintlibsu fuq il-ħwejjeġ, imsielet, ċrieket, u ġojjelli oħra, kif ukoll kull xorta t’oġġetti tad-deheb. Ilkoll ippreżentaw l-offerti* tad-deheb tagħhom lil Ġeħova. 23 U kull min kellu ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, għażel fin, xagħar tal-mogħoż, ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, u ġlud tal-bumerin, ħadhom bħala kontribuzzjoni. 24 Kull min kien lest li jagħti fidda u ram ħadhom bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova, u kull min kellu l-injam tal-akaċja ħadu biex jintuża għax-xogħol.
25 In-nisa kollha li kienu tas-sengħa f’li jagħmlu l-ħajt, ħadu dak li ħadmu b’idejhom: ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. 26 U n-nisa kollha tas-sengħa li qalbhom qanqlithom għamlu ħajt mix-xagħar tal-mogħoż.
27 U l-kapijiet ħadu l-ħaġar tal-oniċi u ħaġar prezzjuż ieħor biex jitqiegħdu mal-efod u l-pettoral, 28 u l-balzmu u ż-żejt biex jintużaw għad-dawl, għaż-żejt tad-dlik, u għall-inċens ifuħ. 29 L-irġiel u n-nisa kollha li qalbhom qanqlithom ħadu xi ħaġa għax-xogħol li Ġeħova kien ikkmandahom jagħmlu permezz taʼ Mosè. L-Iżraelin ħaduha bħala offerta volontarja lil Ġeħova.
30 Imbagħad Mosè qal lill-Iżraelin: “Ġeħova għażel lil Besalel mit-tribù taʼ Ġuda. Hu t-tifel taʼ Uri u n-neputi taʼ Ħur. 31 U Alla tah l-ispirtu tiegħu sabiex ikollu l-għerf, l-għarfien, ikun kapaċi jifhem, u jkun tas-sengħa f’kull tip taʼ xogħol: 32 biex jagħmel disinji artistiċi, biex jaħdem bid-deheb, il-fidda, u r-ram, 33 biex jaqtaʼ u jqiegħed il-ħaġar prezzjuż, u biex jagħmel kull tip t’oġġett artistiku bl-injam. 34 U Alla ta lilu u lil Oħolijab, bin Aħisamak mit-tribù taʼ Dan, l-abbiltà li jgħallmu lil oħrajn. 35 Hu tahom is-sengħa* biex jagħmlu x-xogħol kollu taʼ min jirrakkma, taʼ min jinseġ bil-ħajt blu, bis-suf vjola, bil-ħajt aħmar jgħajjat, u bl-għażel fin, taʼ min jinseġ bin-newl, u kull tip taʼ xogħol. Dawn l-irġiel se jagħmlu kull tip taʼ xogħol u jippreparaw kull tip taʼ disinn.