Eżodu
40 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 2 “Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, għandek tarma t-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa. 3 Poġġi l-arka tat-Testimonjanza fih u dendel il-purtiera li tifred biex l-Arka ma tidhirx. 4 Daħħal il-mejda u qiegħed l-affarijiet li għandhom ikunu fuqha u daħħal il-gandlier u ixgħel il-lampi tiegħu. 5 Imbagħad poġġi l-artal tad-deheb għall-inċens quddiem l-arka tat-Testimonjanza u dendel f’postha l-purtiera tad-daħla tat-tabernaklu.
6 “Poġġi l-artal tal-offerta tal-ħruq quddiem id-daħla tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa, 7 u qiegħed il-vaska bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u itfaʼ l-ilma fiha. 8 Imbagħad arma l-purtieri tal-bitħa mad-dawra kollha u dendel il-purtiera tad-daħla tal-bitħa. 9 Wara, ħu ż-żejt tad-dlik u idlek it-tabernaklu u kulma fih, u qaddes lilu u l-għodod kollha tiegħu. 10 Għandek tidlek l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu u tagħmlu artal mill-iktar qaddis. 11 U idlek il-vaska u l-bażi tagħha u qaddisha.
12 “Imbagħad ħu lil Aron u lit-tfal tiegħu ħdejn id-daħla tat-tinda tal-laqgħa u aħsilhom bl-ilma. 13 U lil Aron libbsu l-ħwejjeġ qaddisa, idilku,* u qaddsu biex jaqdi bħala qassis għalija. 14 Wara ġib lit-tfal tiegħu qrib u libbishom l-ilbiesi twal. 15 Inkarigahom billi tidlikhom bħalma dlikt lil missierhom biex jaqdu bħala qassisin għalija. U peress li jiġu midlukin, huma jirċievu d-dritt li jkunu qassisin għal żmien twil, matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom.”
16 Mosè għamel skont kulma kien ikkmandah Ġeħova. Għamel preċiż hekk.
17 Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar tat-tieni sena, intrama t-tabernaklu. 18 Meta Mosè rama t-tabernaklu, hu qiegħed il-pedestalli b’toqba fihom, poġġa l-frejms magħmulin mit-twavel f’posthom, daħħal il-lasti, u poġġa l-kolonni. 19 Hu firex it-tinda fuq it-tabernaklu u fuqha qiegħed il-ġlud meħjutin flimkien, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.
20 Wara dan, ħa t-Testimonjanza u poġġieha fl-Arka u daħħal il-lasti tal-Arka u poġġa l-għatu fuqha. 21 Hu daħħal l-Arka fit-tabernaklu u dendel il-purtiera li tifred f’postha biex l-arka tat-Testimonjanza ma tidhirx, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.
22 Imbagħad, poġġa l-mejda ’l barra mill-purtiera fit-tinda tal-laqgħa, fuq in-naħa tat-Tramuntana tat-tabernaklu, 23 u qiegħed ir-ringiela tal-ħobż fuqha quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.
24 Hu qiegħed il-gandlier fit-tinda tal-laqgħa quddiem il-mejda, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu. 25 Hu xegħel il-lampi quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.
26 Wara qiegħed l-artal tad-deheb fit-tinda tal-laqgħa quddiem il-purtiera, 27 biex jaħraq l-inċens ifuħ fuqu, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.
28 Imbagħad dendel il-purtiera tad-daħla tat-tabernaklu f’postha.
29 U qiegħed l-artal tal-offerta tal-ħruq fid-daħla tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa, biex joffri fuqu l-offerta tal-ħruq u l-offerta taċ-ċereali,* bħalma Ġeħova kien ikkmandah.
30 Imbagħad qiegħed il-vaska bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u tefaʼ l-ilma fiha. 31 Mosè, Aron, u t-tfal tiegħu ħaslu jdejhom u saqajhom hemm. 32 Kull meta kienu jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew jersqu lejn l-artal, kienu jinħaslu, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
33 Fl-aħħar, rama l-bitħa madwar it-tabernaklu u l-artal, u dendel il-purtiera għad-daħla tal-bitħa.
Għalhekk, Mosè lesta x-xogħol. 34 U s-sħaba bdiet tgħatti t-tinda tal-laqgħa, u l-glorja taʼ Ġeħova mliet it-tabernaklu. 35 Mosè ma setax jidħol fit-tinda tal-laqgħa għax is-sħaba baqgħet fuqha, u l-glorja taʼ Ġeħova mliet it-tabernaklu.
36 U meta s-sħaba kienet togħla minn fuq it-tabernaklu, l-Iżraelin kienu jżarmaw il-kampijiet minn fejn ikunu. Dan għamluh matul il-vjaġġ kollu tagħhom fid-deżert. 37 Madankollu, jekk is-sħaba ma togħliex, ma kinux iżarmaw il-kampijiet sa dakinhar li kienet togħla. 38 Għax matul il-vjaġġ kollu, il-poplu kollu t’Iżrael setaʼ jara li s-sħaba taʼ Ġeħova kienet tkun fuq it-tabernaklu matul il-jum, u matul il-lejl kien ikun hemm nar fuqu.