Eżodu
5 Imbagħad Mosè u Aron daħlu u qalu lill-Fargħun: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Ibgħat lin-nies tiegħi biex jiltaqgħu fid-deżert ħalli jfaħħruni.’” 2 Imma l-Fargħun qalilhom: “Min hu Ġeħova, biex jien nismaʼ minn kliemu u nibgħat lill-Iżraelin? Jien ma nafux lil Ġeħova, u iktar minn hekk, m’iniex se nibgħat lill-Iżraelin.” 3 Imma huma qalulu: “L-Alla tal-Lhud kellimna. Jekk jogħġbok, irridu mmorru vjaġġ taʼ tlett ijiem fid-deżert u noffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla tagħna. Inkella jikkastigana bil-mard jew bix-xabla.” 4 Ir-re tal-Eġittu wiġibhom: “Mosè u Aron, għala tridu lin-nies jieqfu jaħdmu? Komplu xogħolkom!”* 5 U l-Fargħun kompla: “Ara kemm hawn nies fil-pajjiż, u intom tridu twaqqfuhom minn xogħolhom?”
6 Dakinhar stess, il-Fargħun ikkmanda lill-kapijiet li jisforzaw lin-nies jaħdmu u lill-assistenti* tagħhom: 7 “Tibqgħux tagħtu tiben lin-nies biex jagħmlu l-briks. Ħa jmorru huma stess jiġbru t-tiben. 8 Imma xorta għandhom jagħmlu l-istess ammont taʼ briks bħal qabel. Tnaqqsulhom xejn, għax qed jiħduha bil-lajma.* Huwa għalhekk li qed jgħajtu, ‘Irridu mmorru, irridu noffru sagrifiċċji lill-Alla tagħna!’ 9 Ġegħluhom jaħdmu iktar iebes u żommuhom okkupati biex ma jagħtux kas il-gideb.”
10 Għalhekk, il-kapijiet li jisforzaw lin-nies jaħdmu u l-assistenti tagħhom ħarġu u qalu lin-nies: “Dan qal il-Fargħun, ‘M’iniex se nagħtikom iktar tiben. 11 Morru ġibu t-tiben intom stess minn fejn tistgħu ssibuh, imma xogħolkom mhux se jitnaqqas.’” 12 Imbagħad in-nies inxterdu mal-art kollha tal-Eġittu biex jiġbru z-zkuk* ħalli jagħmlu t-tiben. 13 U l-kapijiet komplew jisforzawhom u jgħidulhom: “Kull wieħed għandu jagħmel l-istess ammont taʼ xogħol kuljum, bħal meta kien jingħatalkom it-tiben.” 14 Iktar tard il-kapijiet tal-Fargħun bdew isawtu lill-assistenti tagħhom li kienu inkarigaw minn fost l-Iżraelin. Il-kapijiet staqsewhom: “Għala m’għamiltux l-istess ammont taʼ briks bħal qabel, la lbieraħ u lanqas illum?”
15 Għalhekk, l-assistenti inkarigati fuq l-Iżraelin marru jgergru mal-Fargħun: “Għala qed tittrattahom hekk lill-qaddejja tiegħek? 16 Mhux qed jingħatalna tiben, u safrattant qed jgħidulna, ‘Agħmlu l-briks!’ Aħna qed niġu msawtin, imma t-tort hu taʼ niesek stess.” 17 Imma hu qalilhom: “Qed tiħduha bil-lajma, qed tiħduha bil-lajma!* Huwa għalhekk li qed tgħidu, ‘Irridu mmorru, irridu noffru sagrifiċċji lil Ġeħova.’ 18 Issa morru aħdmu! Mhux se jingħatalkom tiben, imma xorta tridu tagħmlu l-istess ammont taʼ briks.”
19 Imbagħad dawk taʼ fuq il-ħaddiema Iżraelin raw li kienu f’inkwiet kbir minħabba li ġew ikkmandati biex jagħmlu l-istess ammont taʼ briks. 20 Malli ħarġu mingħand il-Fargħun, iltaqgħu maʼ Mosè u Aron li kienu qed jistennewhom. 21 Minnufih qalulhom: “Jalla Ġeħova jara x’għamiltu u jiġġudikakom, ladarba ġegħeltu lill-Fargħun u lill-qaddejja tiegħu jobogħduna, u tajtuhom raġuni biex joqtluna.” 22 Imbagħad Mosè dar lejn Ġeħova u qallu: “Ġeħova, għala ħallejt lil dan il-poplu jbati? Għalfejn bgħattni? 23 Għax minn mindu dħalt quddiem il-Fargħun biex nitkellem f’ismek, hu ttratta lil dan il-poplu agħar minn qabel u int bl-ebda mod ma ħlist lill-poplu tiegħek.”