Numri
1 U Ġeħova kellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj, fit-tinda tal-laqgħa, fl-ewwel jum tat-tieni xahar tat-tieni sena minn mindu ħarġu mill-art tal-Eġittu. Hu qallu: 2 “Għoddu l-ġemgħa tal-Iżraelin* b’mod individwali* skont il-familji tagħhom, skont dar missirijiethom, u skont l-ammont tal-ismijiet tal-irġiel kollha. 3 Int u Aron għandkom tirreġistraw skont il-gruppi* tagħhom lil dawk kollha minn 20 sena ’l fuq li jistgħu jaqdu fl-armata f’Iżrael.
4 “Ħudu magħkom raġel minn kull tribù. Kull wieħed irid ikun kap taʼ dar missirijietu. 5 Dawn huma l-ismijiet tal-irġiel li se jgħinukom: Elisur bin Sedewr mit-tribù taʼ Ruben; 6 Selumjel bin Surisaddaj mit-tribù taʼ Simegħon; 7 Naħson bin Għamminadab mit-tribù taʼ Ġuda; 8 Netanel bin Sugħar mit-tribù taʼ Issakar; 9 Eljab bin Ħelon mit-tribù taʼ Żebulun; 10 mit-tribù taʼ Ġużeppi: Elisama bin Għammiħud minn Efrajm u Gamaljel bin Pedaħsur minn Manasse; 11 Abidan bin Gidegħoni mit-tribù taʼ Benjamin; 12 Aħigħeżer bin Għammisaddaj mit-tribù taʼ Dan; 13 Paggħijel bin Għokran mit-tribù t’Aser; 14 Eljasaf bin Degħwel mit-tribù taʼ Gad; 15 u Aħira bin Għenan mit-tribù taʼ Naftali. 16 Dawn huma l-magħżulin mill-ġemgħa. Dawn huma l-kapijiet tat-tribujiet taʼ missirijiethom, il-kapijiet tal-eluf t’Iżrael.”
17 Għalhekk, Mosè u Aron ħadu lil dawn l-irġiel li kienu magħżulin b’isimhom. 18 Huma laqqgħu lill-ġemgħa kollha fl-ewwel jum tat-tieni xahar, sabiex jiġu rreġistrati b’mod individwali skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom, l-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq, 19 bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. Għalhekk, Mosè rreġistrahom fid-deżert tas-Sinaj.
20 It-tfal* taʼ Ruben, l-ewwel imwieled t’Iżrael, kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin b’mod individwali, 21 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Ruben kienu 46,500.
22 It-tfal taʼ Simegħon kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin b’mod individwali, 23 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Simegħon kienu 59,300.
24 It-tfal taʼ Gad kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 25 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Gad kienu 45,650.
26 It-tfal taʼ Ġuda kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 27 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Ġuda kienu 74,600.
28 It-tfal taʼ Issakar kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 29 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Issakar kienu 54,400.
30 It-tfal taʼ Żebulun kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 31 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Żebulun kienu 57,400.
32 It-tfal taʼ Ġużeppi minn Efrajm kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 33 u dawk irreġistrati mit-tribù t’Efrajm kienu 40,500.
34 It-tfal taʼ Manasse kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 35 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Manasse kienu 32,200.
36 It-tfal taʼ Benjamin kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 37 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Benjamin kienu 35,400.
38 It-tfal taʼ Dan kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 39 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Dan kienu 62,700.
40 It-tfal t’Aser kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 41 u dawk irreġistrati mit-tribù t’Aser kienu 41,500.
42 It-tfal taʼ Naftali kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 43 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Naftali kienu 53,400.
44 Dawn ġew irreġistrati minn Mosè flimkien m’Aron u t-12-il kap t’Iżrael, kull wieħed jirrappreżenta lil dar missirijietu. 45 L-Iżraelin kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata f’Iżrael kienu rreġistrati skont dar missirijiethom, 46 u dawk kollha rreġistrati kienu 603,550.
47 Iżda l-Leviti ma ġewx irreġistrati magħhom skont it-tribù taʼ missirijiethom. 48 U Ġeħova qal lil Mosè: 49 “It-tribù taʼ Levi biss m’għandekx tirreġistra, u tgħoddhomx mal-Iżraelin l-oħrajn. 50 Int għandek tinkariga lil-Leviti fuq it-tabernaklu tat-Testimonjanza u fuq l-għodod kollha tiegħu u fuq kulma hu tiegħu. Huma jġorru t-tabernaklu u l-għodod kollha tiegħu, jaqdu fih, u jikkampjaw madwaru. 51 U kull meta jkun se jinġarr it-tabernaklu, għandhom iżarmawh il-Leviti. U meta t-tabernaklu jkun se jerġaʼ jiġi armat, il-Leviti għandhom jarmawh. Kull individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib għandu jinqatel.
52 “Kull Iżraeli jrid jarma t-tinda fil-post magħżul għalih, kull raġel skont it-taqsima tiegħu li fiha tliet tribujiet, skont il-gruppi* tagħhom. 53 U l-Leviti għandhom jikkampjaw madwar it-tabernaklu tat-Testimonjanza, biex ma nirrabjax kontra l-ġemgħa tal-Iżraelin. Il-Leviti huma responsabbli li jieħdu ħsieb* it-tabernaklu tat-Testimonjanza.”
54 Il-poplu t’Iżrael għamel kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. Għamel preċiż hekk.