Numri
28 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: 2 “Ikkmanda lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Qisu li tippreżentawli l-offerta tiegħi, il-ħobż tiegħi. L-offerti tiegħi li jiġu maħruqin bħala riħa pjaċevoli* għalija għandhom isiru fiż-żmien stabbilit tagħhom.’
3 “U għidilhom, ‘Din hi l-offerta li tiġi maħruqa u li għandkom tippreżentaw lil Ġeħova: żewġt iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, bħala offerta tal-ħruq kuljum, b’mod regolari. 4 Ħaruf wieħed toffrih filgħodu, u l-ħaruf l-ieħor toffrih bejn inżul ix-xemx u d-dlam, 5 flimkien maʼ għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat maʼ kwart taʼ ħinn* żejt taż-żebbuġa bħala offerta taċ-ċereali.* 6 Din hi offerta tal-ħruq regolari, li kienet stabbilita fuq il-Muntanja Sinaj bħala riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, 7 flimkien mal-offerta tax-xorb li joffru magħha, kwart taʼ ħinn għal kull ħaruf. Ferraʼ x-xorb alkoħoliku fil-post qaddis bħala offerta tax-xorb lil Ġeħova. 8 U toffri l-ħaruf l-ieħor bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Toffrih bl-istess offerta taċ-ċereali bħal dik taʼ filgħodu u bl-istess offerta tax-xorb, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
9 “‘Madankollu, f’jum is-Sabat, l-offerta għandha tkun żewġt iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, u 20 fil-100 taʼ kejl t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali, flimkien mal-offerta tax-xorb li joffru magħha. 10 Din hi l-offerta tal-ħruq għas-Sabat, flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha.
11 “‘Fil-bidu taʼ kull xahar,* għandkom tippreżentaw dan lil Ġeħova bħala offerta tal-ħruq: żewġ barrin żgħar,* muntun, sebat iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, 12 30 fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għal kull barri, 20 fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għall-muntun, 13 u għaxra fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għal kull ħaruf, bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 14 U l-offerti tax-xorb li joffru magħhom għandhom ikunu nofs ħinn inbid għal barri, terz taʼ ħinn għall-muntun, u kwart taʼ ħinn għal ħaruf. Din hi l-offerta tal-ħruq taʼ kull xahar matul is-sena kollha. 15 Ukoll, għandu jiġi offrut gidi bħala offerta għad-dnub lil Ġeħova flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha.
16 “‘L-14-il jum tal-ewwel xahar ikun il-Qbiż taʼ Ġeħova. 17 U fil-15 taʼ dan ix-xahar ikun hemm festa. Għal sebat ijiem tieklu ħobż bla ħmira. 18 Fl-ewwel jum ikun hemm konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes. 19 U għandkom tippreżentaw bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova: żewġ barrin żgħar, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Għandkom toffru annimali bla difett. 20 Għandek toffrihom mal-offerti taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal barri u 20 fil-100 t’efa għall-muntun. 21 Għandkom toffru għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief, 22 kif ukoll mogħża bħala offerta għad-dnub biex tagħmel tpattija għalikom. 23 Dawn għandkom toffruhom flimkien mal-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu, li tiġi offruta regolarment. 24 Dawn toffruhom bl-istess mod kuljum għal sebat ijiem bħala ikel,* offerta li tiġi maħruqa bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. Din għandha tiġi offruta mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha. 25 Fis-sebaʼ jum għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes.
26 “‘Fil-jum tal-ewwel prodott, meta tippreżentaw offerta ġdida taċ-ċereali lil Ġeħova, għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa fil-festa tagħkom tal-ġimgħat. Tagħmlu ebda xogħol iebes. 27 Bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova għandkom tippreżentaw: żewġ barrin żgħar, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena, 28 u bħala l-offerta taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal kull barri, 20 fil-100 t’efa għall-muntun, 29 għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief, 30 kif ukoll gidi biex jagħmel tpattija għalikom. 31 Dawn għandkom toffruhom flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerti tax-xorb li joffru mal-annimali. L-annimali għandhom ikunu bla difett.