Numri
36 Il-kapijiet tal-familji taʼ Gilegħad bin Makir bin Manasse, mill-familji tat-tfal taʼ Ġużeppi, resqu u tkellmu quddiem Mosè u l-kapijiet tal-Iżraelin. 2 Huma qalu: “Ġeħova kkmanda lilek, sidna, biex tqassam l-art bix-xorti bħala wirt lill-Iżraelin, u kont ikkmandat minn Ġeħova biex tagħti l-wirt taʼ ħuna Selofeħad lill-bniet tiegħu. 3 Jekk jiżżewġu rġiel minn tribù ieħor t’Iżrael, il-wirt tan-nisa jitnaqqas mill-wirt taʼ missirijietna u jiżdied mal-wirt tat-tribù li jsiru parti minnu, u b’hekk jitnaqqas mill-wirt tagħna. 4 Issa meta jkun hemm il-Ġublew għall-poplu t’Iżrael, il-wirt tan-nisa jiżdied mal-wirt tat-tribù li jsiru parti minnu, u b’hekk il-wirt tagħhom jitnaqqas mill-wirt tat-tribù taʼ missirijietna.”
5 Imbagħad Mosè kkmanda lill-Iżraelin skont il-kmand taʼ Ġeħova: “Sew qed jgħid it-tribù tat-tfal taʼ Ġużeppi. 6 Hekk ikkmanda Ġeħova għall-bniet taʼ Selofeħad: ‘Huma jistgħu jiżżewġu lil min iridu. Madankollu, għandhom jiżżewġu lil xi ħadd mill-familja tat-tribù taʼ missierhom. 7 Ebda wirt tal-Iżraelin m’għandu jgħaddi minn tribù għal ieħor, għax l-Iżraelin għandhom iżommu l-wirt tat-tribù taʼ missirijiethom. 8 U kull bint li għandha wirt fost it-tribujiet t’Iżrael għandha tiżżewweġ lil xi ħadd mit-tribù taʼ missierha, sabiex l-Iżraelin iżommu l-wirt taʼ missirijiethom. 9 Ebda wirt m’għandu jgħaddi minn tribù għal ieħor, għax it-tribujiet t’Iżrael għandhom iżommu l-wirt tagħhom stess.’”
10 Il-bniet taʼ Selofeħad għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 11 Għalhekk, Maħla, Tirsa, Ħogla, Milka, u Nogħa, il-bniet taʼ Selofeħad, iżżewġu kuġini min-naħa taʼ missierhom. 12 Iżżewġu rġiel mill-familji taʼ Manasse bin Ġużeppi sabiex il-wirt tagħhom jibqaʼ fit-tribù tal-familja taʼ missierhom.
13 Dawn huma l-kmandamenti u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li Ġeħova ta lill-Iżraelin permezz taʼ Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan f’Ġeriko.