Numri
6 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u qal: 2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Jekk xi ħadd, raġel jew mara, jagħmel wegħda speċjali biex jgħix bħala Nażirit* għal Ġeħova, 3 hu m’għandux jixrob inbid u xorb alkoħoliku ieħor. U lanqas għandu jixrob il-ħall tal-inbid, il-ħall taʼ xorb alkoħoliku ieħor, jew xi likwidu magħmul mill-għeneb. M’għandux jiekol l-għeneb, la frisk u lanqas niexef. 4 Il-jiem kollha tiegħu bħala Nażirit m’għandu jiekol xejn li jsir mid-dielja tal-għeneb, mill-għeneb mhux misjur sal-qxur.
5 “‘Fil-jiem kollha tal-wegħda tiegħu bħala Nażirit, m’għandux jaqtaʼ xagħru.* Irid jibqaʼ qaddis billi jħalli xagħru jitwal sakemm jgħaddu l-jiem li jkun iddedikat lil Ġeħova. 6 M’għandux jersaq lejn persuna* mejta matul il-jiem kollha li jibqaʼ ddedikat lil Ġeħova. 7 Anki jekk imut missieru, ommu, ħuh, jew oħtu, m’għandux jitniġġes, għaliex għandu s-sinjal fuq rasu li hu Nażirit għal Alla.
8 “‘Hu qaddis għal Ġeħova l-jiem kollha li jkun Nażirit. 9 Imma jekk xi ħadd imut għal għarrieda maġenbu u n-Nażirit iniġġes xagħru li jirrappreżenta d-dedikazzjoni tiegħu lil Alla, irid iqaxxar xagħru dakinhar li jistabbilixxi l-purifikazzjoni tiegħu. Irid iqaxxru fis-sebaʼ jum. 10 U fit-tmien jum, hu għandu jġib żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen lill-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 11 Il-qassis jipprepara wieħed bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq, u jagħmel tpattija għalih għad-dnub minħabba l-persuna mejta. Imbagħad dakinhar in-Nażirit irid iqaddes rasu. 12 Hu jrid jerġaʼ jibda mill-ġdid il-jiem bħala Nażirit għal Ġeħova, u jġib muntun fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta għall-ħtija. Il-jiem taʼ qabel ma jingħaddux għaliex ikun tniġġes waqt li jkun Nażirit.
13 “‘Issa din hi l-liġi dwar in-Nażirit: Meta jintemmu l-jiem tiegħu bħala Nażirit, hu jittieħed fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 14 Hemmhekk irid jippreżenta l-offerta tiegħu lil Ġeħova: muntun bla difett fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq, ħarufa bla difett fl-ewwel sena tagħha bħala offerta għad-dnub, muntun bla difett bħala sagrifiċċju tal-paċi, 15 qoffa ħobż bla ħmira forma taʼ ftira magħmul minn dqiq fin imħallat biż-żejt, galletti bla ħmira midlukin biż-żejt, u l-offerta taċ-ċereali* u l-offerti tax-xorb li jiġu offruti magħhom. 16 Il-qassis jippreżentahom quddiem Ġeħova u joffri l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq. 17 Hu joffri l-muntun bħala sagrifiċċju tal-paċi lil Ġeħova flimkien mal-qoffa bil-ħobż bla ħmira u jippreżenta l-offerta taċ-ċereali u l-offerta tax-xorb tal-muntun.
18 “‘Imbagħad in-Nażirit irid iqaxxar xagħru fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u jrid jieħu dan ix-xagħar, li jkun twal matul iż-żmien li jkun Nażirit, u jitfgħu fin-nar li qiegħed taħt is-sagrifiċċju tal-paċi. 19 U l-qassis jieħu spalla msajra mill-muntun, ħobża bla ħmira forma taʼ ftira mill-qoffa, u galletta bla ħmira, u jqegħedhom fuq il-pali taʼ jdejn in-Nażirit wara li jkun qaxxar is-sinjal tiegħu bħala Nażirit. 20 U l-qassis irid ixejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. Din hi xi ħaġa qaddisa għall-qassis, flimkien mas-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq tas-sehem sagru. Wara dan, in-Nażirit ikun jistaʼ jixrob l-inbid.
21 “‘Din hi l-liġi dwar Nażirit li jagħmel wegħda: Jekk iwiegħed u jaffordja li jagħmel offerta lil Ġeħova li hi iktar milli hu meħtieġ minnu bħala Nażirit, hu għandu jaġixxi fi qbil maʼ dak li wiegħed. Din hi l-liġi tan-Nażirit.’”
22 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 23 “Għid lil Aron u lit-tfal tiegħu, ‘Hekk għandkom tbierku lill-poplu t’Iżrael. Għidulu:
24 “Jalla Ġeħova jbierkek u jipproteġik.
25 Jalla Ġeħova jħares lejk b’approvazzjoni* u jurik il-ħniena.
26 Jalla Ġeħova jittrattak b’qalb tajba u jagħtik il-paċi.”’
27 U jridu jużaw ismi biex ibierku l-poplu t’Iżrael.”