Numri
13 Ġeħova issa kellem lil Mosè u qallu: 2 “Ibgħat xi rġiel biex jitkixxfu x’fiha l-art taʼ Kangħan, li jien qed nagħti lill-Iżraelin. Ibagħtu raġel minn kull tribù taʼ missirijietu, kull wieħed li hu kap fosthom.”
3 Għalhekk, Mosè bagħathom mid-deżert tal-Faran skont il-kmand taʼ Ġeħova. L-irġiel kollha kienu kapijiet tal-Iżraelin. 4 Dawn huma l-ismijiet tagħhom: Sammugħa bin Żakkur mit-tribù taʼ Ruben; 5 Safat bin Ħori mit-tribù taʼ Simegħon; 6 Kaleb bin Ġefunne mit-tribù taʼ Ġuda; 7 Igal bin Ġużeppi mit-tribù taʼ Issakar; 8 Ħosegħa bin Nun mit-tribù t’Efrajm; 9 Palti bin Rafu mit-tribù taʼ Benjamin; 10 Gaddjel bin Sodi mit-tribù taʼ Żebulun; 11 Gaddi bin Susi mit-tribù taʼ Ġużeppi, għat-tribù taʼ Manasse; 12 Għammijel bin Gemalli mit-tribù taʼ Dan; 13 Setur bin Mikiel mit-tribù t’Aser; 14 Naħbi bin Vofsi mit-tribù taʼ Naftali; 15 u Gewel bin Maki mit-tribù taʼ Gad. 16 Dawn huma l-ismijiet tal-irġiel li Mosè bagħat biex jitkixxfu x’fiha l-art. U lil Ħosegħa bin Nun, Mosè semmieh Ġożwè.*
17 Meta kien qed jibgħathom biex jitkixxfu x’fiha l-art taʼ Kangħan, Mosè qalilhom: “Itilgħu minn hawn lejn in-Negeb, u mbagħad itilgħu fir-reġjun muntanjuż. 18 Araw x’tip ta’ art hi u jekk in-nies li qed jgħixu fiha humiex b’saħħithom jew dgħajfin, ftit jew ħafna, 19 jekk l-art hix tajba jew ħażina, u jekk il-bliet li qed jgħixu fihom humiex miftuħin jew magħluqin bis-swar. 20 U tkixxfu jekk l-art hix għammiela jew ħawlija u jekk fihiex siġar jew le. Għandkom tkunu kuraġġużi u tieħdu ftit mill-prodott tal-art.” Issa dan kien l-istaġun tal-ewwel għeneb.
21 Għalhekk, telgħu u tkixxfu l-art mid-deżert taż-Żin sa Reħob, qrib Lebo-ħamat.* 22 Meta telgħu fin-Negeb, waslu Ħebron, fejn kienu qed jgħixu Aħiman, Sesaj, u Talmaj, l-Għanakin. Ħebron kienet inbniet sebaʼ snin qabel Sogħan tal-Eġittu. 23 Meta waslu fil-Wied t’Eskol, qatgħu fergħa b’għanqud għeneb, u tnejn mill-irġiel kellhom iġorruh fuq lasta, u ġarrew ukoll ftit rummien u tin. 24 Dak il-post semmewh il-Wied t’Eskol,* minħabba l-għanqud li l-Iżraelin qatgħu minn hemmhekk.
25 Wara 40 jum, reġgħu lura milli jitkixxfu x’fiha l-art. 26 Għalhekk, marru lura ħdejn Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin fid-deżert tal-Faran, f’Kades. Huma taw rapport lill-ġemgħa kollha u wrewhom il-prodott tal-art. 27 U lil Mosè qalulu: “Dħalna fl-art li bgħattna fiha. Din veru li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, u dan hu l-prodott tagħha. 28 Minkejja dan, in-nies li jgħixu fl-art huma b’saħħithom, u l-bliet bis-swar huma kbar ħafna. U hemmhekk rajna wkoll lill-Għanakin. 29 L-Għamalekin qed jgħixu fl-art tan-Negeb, u l-Ħittin, il-Ġebusin, u l-Amurrin qed jgħixu fir-reġjun muntanjuż, u l-Kangħanin qed jgħixu ħdejn il-baħar u tul il-Ġordan.”
30 Imbagħad Kaleb ipprova jikkalma lin-nies waqt li kienu quddiem Mosè billi qal: “Ejja nitilgħu minnufih, u żgur li niħduha f’idejna, għaliex żgur li nistgħu nirbħulha.” 31 Imma l-irġiel li telgħu miegħu qalu: “Ma nistgħux nitilgħu u nattakkaw lill-poplu, għaliex hu iktar b’saħħtu minna.” 32 U lill-Iżraelin baqgħu jagħtuhom rapport ħażin dwar l-art li kienu tkixxfu, u qalu: “L-art li għaddejna minnha biex nitkixxfu x’fiha hija art perikoluża u żgur li tmutu fiha, u n-nies kollha li rajna fiha huma rġiel enormi. 33 U hemmhekk rajna l-ġganti,* it-tfal t’Għanak, li ġejjin min-Nefilim,* u mqabblin magħhom aħna bdejna nħossuna qisna ġurati, u anki huma qisuna hekk.”