Dewteronomju
29 Dan hu l-kliem tal-patt li Ġeħova kkmanda lil Mosè biex jagħmel mal-poplu t’Iżrael fl-art taʼ Mowab, minbarra l-patt li kien għamel magħhom f’Ħoreb.
2 Imbagħad Mosè ġabar lill-Iżraelin kollha u qalilhom: “Intom rajtu b’għajnejkom kulma Ġeħova għamel fl-art tal-Eġittu lill-Fargħun, lill-qaddejja kollha tiegħu, u lil artu kollha, 3 jiġifieri l-kastigi* kbar permezz taʼ sinjali kbar u mirakli. 4 Imma sal-lum Ġeħova ma takomx moħħ* biex tifhmu u għajnejn biex taraw u widnejn biex tisimgħu. 5 ‘Waqt li jien bqajt niggwidakom għal 40 sena fid-deżert, ħwejjiġkom ma qdimux u s-sandli tagħkom ma qdiemx f’saqajkom. 6 Ma kiltux ħobż, u ma xrobtux inbid jew xorb alkoħoliku ieħor, sabiex tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’ 7 Maż-żmien ġejtu f’dan il-post, u Siħon ir-re taʼ Ħesbon u Għog ir-re tal-Basan ħarġu jiltaqgħu magħna għall-battalja, imma rbaħnielhom. 8 Imbagħad ħadna arthom u tajnieha bħala wirt lir-Rubenin, lill-Gadin, u lin-nofs tribù tal-Manassin. 9 Għaldaqstant, żommu mal-kliem taʼ dan il-patt u obduh, sabiex tirnexxu f’kulma tagħmlu.
10 “Illum ilkoll kemm intom tinsabu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom: il-kapijiet tat-tribujiet tagħkom, l-anzjani* tagħkom, l-uffiċjali tagħkom, kull raġel t’Iżrael, 11 it-tfal tagħkom, in-nisa tagħkom, u r-residenti barranin li qegħdin f’nofs il-kampijiet tagħkom, minn dawk li jiġbrulkom l-injam sa dawk li jtellgħulkom l-ilma. 12 Intom qegħdin hawn sabiex issiru parti mill-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom u l-ħalfa tiegħu, li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħmel magħkom illum 13 biex jagħmilkom il-poplu tiegħu u jkun l-Alla tagħkom, bħalma wegħedkom u bħalma ħalef lil missirijietkom Abraham, Iżakk, u Ġakobb.
14 “Issa jien mhux magħkom biss qed nagħmel dan il-patt u din il-ħalfa, 15 imma maʼ dawk li llum qegħdin hawn magħna quddiem Ġeħova l-Alla tagħna u maʼ dawk li mhumiex hawnhekk magħna llum. 16 (Għax intom tafu tajjeb kif għexna fl-art tal-Eġittu u kif għaddejna minn fost diversi popli fil-vjaġġ tagħna. 17 U kontu taraw l-affarijiet moqżieża tagħhom u l-idoli diżgustanti* tagħhom, tal-injam u tal-ġebel, tal-fidda u tad-deheb, li kienu fosthom.) 18 Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm fostkom raġel jew mara, familja jew tribù li qalbu llum titbiegħed minn Ġeħova l-Alla tagħna biex imur jaqdi l-allat taʼ dawn il-popli, ħalli ma jkunx hemm fostkom xi ħadd bħal għeruq taʼ pjanta li tikber u tipproduċi frott morr u velenuż.
19 “Imma jekk xi ħadd jismaʼ l-kliem taʼ din il-ħalfa u jiftaħar f’qalbu u jgħid, ‘Se jkolli l-paċi, anki jekk nibqaʼ ngħix kif irrid,’* u b’hekk jeqred kull ħaġa* li jkun hemm fi triqtu, 20 Ġeħova mhux se jkun lest jaħfirlu. Minflok, ir-rabja kbira taʼ Ġeħova se tkun bħal nar kontra dan ir-raġel, u s-saħta kollha miktuba f’dan il-ktieb żgur li se tiġi fuqu, u Ġeħova żgur li jħassarlu ismu minn taħt is-sema. 21 Imbagħad Ġeħova jifirdu mit-tribujiet kollha t’Iżrael u jġib gwaj fuqu, fi qbil mas-saħta kollha tal-patt li hi miktuba f’dan il-ktieb tal-Liġi.
22 “U l-ġenerazzjoni tal-futur tat-tfal tagħkom u l-barranin li jiġu minn art imbiegħda se jaraw il-kastigi li Ġeħova bagħat fuq l-art. 23 Hu bagħat kubrit,* melħ, u nar, u b’hekk l-art kollha la tinżeraʼ, la tnibbet, u lanqas jikber ħaxix fiha, bħalma ġara fil-qerda taʼ Sodoma u Gomorra, u Adma u Sebojim, li Ġeħova qered fir-rabja u l-korla tiegħu. 24 It-tfal tagħkom, il-barranin, u l-popli kollha se jgħidu, ‘Ġeħova għala għamlilha hekk lil din l-art? X’wasslu biex jirrabja daqshekk?’ 25 Imbagħad jgħidu, ‘Kien minħabba li abbandunaw il-patt li għamel magħhom Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, meta ħariġhom mill-art tal-Eġittu. 26 Huma marru u qdew allat oħrajn u mielu quddiemhom, allat li ma kinux jafu u li hu ma tahomx permess iqimuhom.* 27 Imbagħad Ġeħova rrabja ħafna kontra din l-art u ġab fuqha s-saħta kollha miktuba f’dan il-ktieb. 28 Għaldaqstant, Ġeħova qalagħhom mill-għeruq minn arthom fir-rabja, fil-korla, u fl-għadab kbir u ħadhom f’art oħra, fejn qegħdin illum.’
29 “Ġeħova l-Alla tagħna jaf l-affarijiet moħbija kollha, u jirrivela l-affarijiet lilna u lil dawk li se jiġu minna għal dejjem, sabiex nobdu l-kliem kollu taʼ din il-Liġi.