Ġożwè
5 Malli r-rejiet kollha tal-Amurrin li kienu fuq in-naħa tal-Punent* tal-Ġordan u r-rejiet kollha tal-Kangħanin li kienu ħdejn il-baħar semgħu li Ġeħova kien nixxef l-ilmijiet tal-Ġordan quddiem l-Iżraelin sakemm qasmu, qatgħu qalbhom,* u ma kellhomx kuraġġ biex jiġġieldu kontra l-Iżraelin.
2 Dak iż-żmien, Ġeħova qal lil Ġożwè: “Agħmel skieken taż-żnied u agħmel iċ-ċirkonċiżjoni lill-irġiel t’Iżrael għat-tieni darba.” 3 Għalhekk, Ġożwè għamel skieken taż-żnied u għamel iċ-ċirkonċiżjoni lill-irġiel t’Iżrael f’Gibegħat-għaralot. 4 Ġożwè għamlilhom iċ-ċirkonċiżjoni għax l-irġiel u s-subien kollha li telqu mill-Eġittu, jiġifieri l-irġiel kollha tal-gwerra,* kienu mietu fid-deżert waqt il-vjaġġ. 5 In-nies kollha li telqu mill-Eġittu kienu ċirkonċiżi, imma dawk kollha li twieldu fid-deżert waqt il-vjaġġ ma kinux. 6 L-Iżraelin kienu mxew 40 sena fid-deżert sakemm mietu l-irġiel kollha tal-gwerra li kienu telqu mill-Eġittu u m’obdewx minn leħen Ġeħova. Lilhom Ġeħova kien ħalfilhom li qatt ma kien se jħallihom jaraw l-art li Ġeħova kien ħalef lil missirijiethom li jagħtina, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. 7 Għalhekk, ħadu posthom it-tfal tagħhom. Lil dawn Ġożwè għamlilhom iċ-ċirkonċiżjoni, għax ma kinux għamluhielhom matul il-vjaġġ.
8 Meta l-irġiel kollha ġew ċirkonċiżi, huma baqgħu fejn kienu kkampjati sakemm irkupraw.
9 Imbagħad Ġeħova qal lil Ġożwè: “Illum neħħejt* minn fuqkom it-tmaqdir tal-Eġittu.” Għalhekk, dak il-post għadu jismu Gilgal* sal-lum.
10 L-Iżraelin komplew jikkampjaw f’Gilgal, u għamlu l-Qbiż fl-14-il jum tax-xahar, filgħaxija, fil-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko. 11 L-għada stess tal-Qbiż, bdew jieklu mill-prodott tal-art, li jinkludi ħobż bla ħmira u ċereali* inkaljati. 12 Il-manna waqfet fil-jum li kielu ftit mill-prodott tal-art. Ma kienx hemm iktar manna għall-Iżraelin, imma dik is-sena bdew jieklu mill-prodott tal-art taʼ Kangħan.
13 Meta Ġożwè kien ħdejn Ġeriko, hu ħares u ra raġel wieqaf quddiemu b’xabla f’idu. Ġożwè mexa għal ħdejh u staqsieh: “Int magħna jew mal-għedewwa tagħna?” 14 Għal dan hu qal: “Jien ġejt* bħala prinċep* tal-armata taʼ Ġeħova.” Għalhekk, Ġożwè niżel wiċċu sal-art b’rispett kbir u qallu: “Sidi, x’għandek x’tgħidli?” 15 Il-prinċep tal-armata taʼ Ġeħova wieġeb lil Ġożwè: “Neħħi s-sandli minn saqajk, għax il-post fejn qiegħed hu qaddis.” Minnufih Ġożwè għamel hekk.