Imħallfin
18 F’dawk il-jiem ma kienx hemm re f’Iżrael. U f’dawk il-jiem it-tribù tad-Danin kien qed ifittex wirt fejn jgħix, għax sa dak iż-żmien kienu għadhom ma ngħatawx wirt fost it-tribujiet t’Iżrael.
2 Id-Danin bagħtu ħamest irġiel mill-familja tagħhom, irġiel kapaċi minn Sorgħa u Estagħol, biex jitkixxfu x’fiha l-art. Huma qalulhom: “Morru tkixxfu x’fiha l-art.” Meta waslu fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, fid-dar taʼ Mikea, huma qattgħu l-lejl hemmhekk. 3 Waqt li kienu ħdejn id-dar taʼ Mikea, huma għarfu leħen* iż-żagħżugħ Levita, għalhekk marru ħdejh u staqsewh: “Min ġabek hawn? X’qed tagħmel f’dan il-post? Għala qiegħed hawn?” 4 Hu wiġibhom: “Hekk u hekk għamel għalija Mikea u krieni biex naqdi bħala qassis għalih.” 5 Imbagħad qalulu: “Jekk jogħġbok, itlob lil Alla u staqsih jekk il-vjaġġ tagħna hux se jirnexxi.” 6 Il-qassis qalilhom: “Morru fil-paċi. Ġeħova qiegħed magħkom fil-vjaġġ.”
7 Għalhekk, il-ħamest irġiel baqgħu sejrin u waslu Lajs. Huma raw li n-nies t’hemm kienu bħas-Sidonin, ma jiddependu minn ħadd. Huma kienu fil-paċi u ma jissuspettaw xejn. Ma kien hemm ebda mexxej aħrax li kien idejjaqhom f’dik l-art. Huma kienu ’l bogħod mis-Sidonin, u ma kellhomx x’jaqsmu maʼ nies oħrajn.
8 Meta marru lura għand ħuthom f’Sorgħa u Estagħol, ħuthom qalulhom: “Kif mortu?” 9 Huma wieġbu: “Ejjew nitilgħu kontrihom, għax rajna li l-art hi tajba ħafna. Għala qed iddumu taħsbuha? Iddumux biex tmorru u tieħdu l-art f’idejkom. 10 Meta taslu, se ssibu poplu li ma jissuspetta xejn u art spazjuża. Alla tahielkom f’idejkom, post li ma jonqsu xejn milli hawn fuq l-art.”
11 Imbagħad 600 raġel armat għall-gwerra mill-familja tad-Danin telqu minn Sorgħa u Estagħol. 12 Huma telgħu u kkampjaw ħdejn Kirjat-ġegħarim f’Ġuda. Huwa għalhekk li dan il-post, li qiegħed lejn il-Punent taʼ Kirjat-ġegħarim, għadu jismu Maħane-dan* sal-lum. 13 Minn hemmhekk marru lejn ir-reġjun muntanjuż t’Efrajm u waslu ħdejn id-dar taʼ Mikea.
14 Imbagħad il-ħamest irġiel li kienu marru jitkixxfu x’fiha l-art taʼ Lajs qalu lil ħuthom: “Kontu tafu li f’dawn id-djar hemm efod,* statwi tat-terafim,* statwa skolpita, u oħra tal-metall?* Aħsbu dwar x’għandkom tagħmlu.” 15 Għalhekk, waqfu hemm u marru fid-dar taż-żagħżugħ Levita, ħdejn id-dar taʼ Mikea, u staqsewh kif kien. 16 Sadanittant, is-600 raġel taʼ Dan, armati għall-gwerra, kienu weqfin fid-daħla. 17 Il-ħamest irġiel li kienu marru jitkixxfu x’fiha l-art daħlu ġewwa biex jieħdu l-istatwa skolpita, l-efod, l-istatwi tat-terafim,* u l-istatwa tal-metall.* (Il-qassis kien wieqaf fid-daħla mas-600 raġel armat għall-gwerra.) 18 Huma daħlu fid-dar taʼ Mikea u ħadu l-istatwa skolpita, l-efod, l-istatwi tat-terafim,* u l-istatwa tal-metall.* Il-qassis qalilhom: “X’qed tagħmlu?” 19 Imma huma qalulu: “Oqgħod kwiet. Tgħid xejn, u ejja magħna biex issir missier* u qassis għalina. X’inhu l-aħjar, li tibqaʼ qassis għad-dar taʼ raġel wieħed jew li ssir qassis għal tribù u familja f’Iżrael?” 20 Il-qassis ħa pjaċir b’dan, u ħa l-efod, l-istatwi tat-terafim,* u l-istatwa skolpita u mar man-nies.
21 Imbagħad huma komplew mexjin fi triqithom, u poġġew lit-tfal, il-bhejjem, u l-affarijiet taʼ valur quddiemhom. 22 Meta kienu tbiegħdu ftit mid-dar taʼ Mikea, l-irġiel li kienu jgħixu fid-djar qrib id-dar taʼ Mikea nġabru flimkien u laħqu lid-Danin. 23 Meta għajtu lid-Danin, dawn ħarsu lejhom u qalu lil Mikea: “Xi ġralek? Għala nġbartu flimkien?” 24 Għalhekk qal: “Ħadtuli l-allat li għamilt u l-qassis ukoll. X’baqagħli iktar? Allura kif tistgħu tistaqsuni, ‘Xi ġralek?’” 25 Id-Danin wieġbu: “Tgħollix leħnek magħna, li ma jmorrux jattakkawkom xi rġiel irrabjati, u minħabba f’hekk tmut int u n-nies taʼ darek.” 26 Għalhekk, id-Danin baqgħu sejrin fi triqithom. U meta Mikea ra li huma kienu iktar b’saħħithom minnu, telaq lura lejn daru.
27 Wara li ħadu dak li kien għamel Mikea u lill-qassis tiegħu, marru Lajs, għand poplu li kien fil-paċi u ma jissuspetta xejn. Huma qatluhom bix-xabla u ħarqu l-belt. 28 Ma kien hemm ħadd li setaʼ jeħlisha, għax kienet ’il bogħod minn Sidon u kienet fil-pjanura tal-wied* taʼ Bet-reħob. Ukoll, il-poplu tagħha ma kellux x’jaqsam maʼ nies oħrajn. Imbagħad id-Danin reġgħu bnew il-belt u ssetiljaw fiha. 29 Iktar minn hekk, semmew il-belt Dan għal missierhom, li kien it-tifel t’Iżrael. Imma qabel il-belt kien jisimha Lajs. 30 Wara, id-Danin poġġew l-istatwa skolpita f’post fejn setgħu jqimuha. U Ġonatan mill-familja taʼ Gersom, bin Mosè, u t-tfal tiegħu saru qassisin għat-tribù tad-Danin sal-jum li dawk li jgħixu hemm ittieħdu fl-eżilju. 31 U l-istatwa skolpita li kien għamel Mikea baqgħet hemm il-jiem kollha li d-dar tal-Alla l-veru kienet f’Silo.