L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
5 U l-Filistin ħadu l-Arka tal-Alla l-veru minn Ebengħeżer għal Asdod. 2 Il-Filistin daħħluha fit-tempju taʼ Dagon u qegħduha ħdejn Dagon. 3 Meta l-Asdodin qamu kmieni l-għada, sabu li Dagon kien imwaqqaʼ għal wiċċu fl-art quddiem l-Arka taʼ Ġeħova. Għalhekk, poġġew lil Dagon lura f’postu. 4 Meta qamu kmieni l-għada, Dagon kien imwaqqaʼ għal wiċċu fl-art quddiem l-Arka taʼ Ġeħova. U fuq l-għatba kien hemm ras Dagon u l-pali taʼ jdejh it-tnejn maqtugħin barra. Il-parti forma taʼ ħuta biss* baqgħet sħiħa. 5 Huwa għalhekk li sal-lum, il-qassisin taʼ Dagon u dawk kollha li jidħlu fit-tempju taʼ Dagon ma jirfsux fuq l-għatba taʼ Dagon f’Asdod.
6 U Ġeħova kkastiga lill-Asdodin u għamel ħerba minnhom billi ġiegħel lin-nies t’Asdod u tat-territorji tagħha joħorġulhom il-murliti. 7 Meta l-Asdodin raw x’kien qed jiġri, qalu: “Tħallux l-Arka tal-Alla t’Iżrael hawn, għaliex hu kkastiga lilna u lill-alla tagħna Dagon.” 8 B’hekk, dawn ġabru l-mexxejja kollha tal-Filistin u staqsewhom: “X’nagħmlu biha l-Arka tal-Alla t’Iżrael?” Huma wiġbuhom: “Ħa tittieħed lejn Gat.” Għalhekk ħaduha hemm.
9 Wara li ħaduha hemm, Ġeħova kkastiga l-belt u qalaʼ paniku kbir. Hu kkastiga lin-nies kollha tal-belt billi ħarġulhom il-murliti. 10 Għalhekk, bagħtu l-Arka tal-Alla l-veru lejn Għekron, imma malli waslet hemm, l-Għekronin bdew jgħajtu: “Ġabu l-Arka tal-Alla t’Iżrael biex joqtlu lilna u lill-poplu tagħna!” 11 Imbagħad, huma ġabru l-mexxejja kollha tal-Filistin u qalulhom: “Ibagħtu l-Arka tal-Alla t’Iżrael ’l hemm. Ħa terġaʼ lura f’postha ħalli aħna u l-poplu tagħna ma mmutux.” Għax in-nies kollha tal-belt kienu mwerwrin minħabba li setgħu jmutu. L-Alla l-veru kien ikkastigahom, 12 u n-nies li ma mitux ħarġulhom il-murliti. U n-nies tal-belt tant għajtu għall-għajnuna li nstemgħu mis-sema.