L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
23 Maż-żmien lil David tawh l-aħbar: “Il-Filistin qed jiġġieldu kontra Kejla, u qed iħarbtu l-postijiet fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.”* 2 B’hekk, David staqsa lil Ġeħova: “Għandi mmur noqtol lil dawn il-Filistin?” Ġeħova qallu: “Mur oqtol il-Filistin u salva lil Kejla.” 3 Imma l-irġiel taʼ David qalulu: “Aħna qed nibżgħu f’Ġuda, aħseb u ara jekk immorru Kejla kontra s-suldati Filistin lesti għall-battalja!” 4 Għalhekk, David reġaʼ staqsa lil Ġeħova. U Ġeħova wieġbu: “Inżel Kejla, għax se nagħti l-Filistin f’idejk.” 5 Għalhekk, David mar mal-irġiel tiegħu Kejla u ġġieled kontra l-Filistin. Hu ħa l-bhejjem tagħhom, qatel ħafna mill-Filistin, u salva n-nies taʼ Kejla.
6 Issa meta Abjatar bin Aħimelek ħarab għand David f’Kejla, hu kellu efod* miegħu. 7 Lil Sawl waslitlu l-aħbar li David mar Kejla. Imbagħad Sawl qal: “Alla tah* f’idi, għax spiċċa f’nassa billi daħal f’belt bil-bibien u bl-istaneg.” 8 Għalhekk, Sawl ġabar lis-suldati kollha għall-gwerra biex jinżlu Kejla u jassedjaw lil David u l-irġiel tiegħu. 9 Meta David sar jaf x’kien qed jippjana Sawl, hu qal lil Abjatar il-qassis: “Ġib l-efod hawn.” 10 Imbagħad David qal: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, jien, il-qaddej tiegħek, smajt li Sawl beħsiebu jiġi Kejla biex jeqred il-belt minħabba fija. 11 Tgħid il-mexxejja* taʼ Kejla se jagħtuni f’idu? Se jinżel Sawl bħalma smajt jien, il-qaddej tiegħek? Għidli jekk jogħġbok, Ġeħova l-Alla t’Iżrael.” U Ġeħova qallu: “Iva, se jinżel.” 12 David staqsa: “Tgħid il-mexxejja taʼ Kejla se jagħtu lili u lill-irġiel tiegħi f’id Sawl?” U Ġeħova qallu: “Iva, hekk se jagħmlu.”
13 Minnufih David u l-irġiel tiegħu, xi 600 raġel, ħarġu minn Kejla u marru f’diversi postijiet, kull fejn ma kienx hemm periklu għalihom. Meta Sawl sar jaf li David kien ħarab minn Kejla, ma marx għal warajh. 14 David qagħad fid-deżert f’postijiet diffiċli biex jintlaħqu, fir-reġjun muntanjuż tad-deżert taʼ Żif. Sawl baqaʼ l-ħin kollu jfittxu, imma Ġeħova ma tahx f’idu. 15 Waqt li David kien fid-deżert taʼ Żif f’Ħores kien jaf li* Sawl kien ħareġ biex jipprova joqtlu.
16 Ġonatan bin Sawl issa mar għand David f’Ħores, u għenu jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu* f’Ġeħova. 17 Hu qallu: “Tibżax, għax missieri Sawl mhux se jsibek. Int tkun re fuq Iżrael, u jien inkun it-tieni warajk. Anki missieri jafu dan.” 18 Imbagħad it-tnejn li huma għamlu patt quddiem Ġeħova, u David baqaʼ f’Ħores, u Ġonatan mar lejn daru.
19 Iktar tard, l-irġiel taʼ Żif telgħu għand Sawl f’Gibegħa u qalulu: “David qed jinħeba qribna fil-postijiet diffiċli biex jintlaħqu f’Ħores, fuq l-għolja taʼ Ħakila, li qiegħda fin-Nofsinhar* tal-Ġesimon.* 20 Sidna, meta tkun tixtieq tinżel, inżel, u aħna nagħtuh f’idejk.” 21 Għal dan Sawl qalilhom: “Ħa tkunu mberkin minn Ġeħova, għax ħennejtu għalija. 22 Jekk jogħġobkom, morru u siru afu eżatt fejn qiegħed u min rah hemm, għax qaluli li hu vera makakk. 23 Tkixxfu fejn huma l-postijiet kollha li jistaħba fihom u erġgħu lura għandi bl-evidenza. Imbagħad jien niġi magħkom, u jekk ikun fil-pajjiż, jien infittxu fost l-eluf kollha taʼ Ġuda.”
24 Għalhekk, marru Żif qabel Sawl, waqt li David u l-irġiel tiegħu kienu fid-deżert taʼ Magħon, fl-Għaraba lejn in-Nofsinhar tal-Ġesimon. 25 Imbagħad Sawl mar ifittxu mal-irġiel tiegħu. Meta lil David qalulu b’dan, minnufih niżel lejn blata li kienet fid-deżert taʼ Magħon u baqaʼ hemm. Meta Sawl semaʼ b’dan, mar wara David fid-deżert taʼ Magħon. 26 Xħin Sawl wasal fuq naħa tal-muntanja, David u l-irġiel tiegħu kienu fuq in-naħa l-oħra. David kien qed jgħaġġel biex jaħrab minn Sawl, imma Sawl u l-irġiel tiegħu kienu qed idawru lil David u l-irġiel tiegħu biex jaqbduhom. 27 Imma mar messaġġier għand Sawl u qallu: “Ejja malajr, għax il-Filistin attakkaw il-pajjiż!” 28 B’hekk, Sawl ma baqax jiġri wara David u mar jattakka lill-Filistin. Huwa għalhekk li dak il-post issemma l-Blata tal-Firdiet.
29 Imbagħad David telaʼ minn hemmhekk u qagħad fil-postijiet diffiċli biex jintlaħqu f’Għajn-gedi.