It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
21 Issa kien hemm il-ġuħ fi żmien David għal tliet snin wara xulxin, allura David talab lil Ġeħova u Ġeħova qallu: “Hemm il-ħtija tad-demm fuq Sawl u fuq daru, għax hu qatel lill-Gibegħonin.” 2 Għalhekk, ir-re ġabar lill-Gibegħonin u kellimhom. (Issa l-Gibegħonin ma kinux Iżraelin imma kienu mill-fdal tal-Amurrin, u l-Iżraelin kienu ħalfulhom li jħalluhom ħajjin. Imma Sawl fittex li joqtolhom minħabba ż-żelu li kellu biex jgħin lill-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda.) 3 David qal lill-Gibegħonin: “X’għandi nagħmlilkom, u kif nistaʼ npatti għall-ħtija sabiex intom tbierku l-wirt taʼ Ġeħova?” 4 Il-Gibegħonin qalulu: “Il-fidda u d-deheb mhux se jpattu għal dak li għamlulna Sawl u n-nies taʼ daru, u aħna ma nistgħu noqtlu lil ħadd f’Iżrael.” Għal dan qalilhom: “Nagħmel kulma tgħiduli.” 5 Huma wieġbu lir-re: “Peress li dak ir-raġel ipprova jeqridna u ppjana biex ma jħalli lil ħadd minna ħaj fit-territorju t’Iżrael, 6 agħtina sebat irġiel li jiġu minnu. Aħna ndendlu l-ġisem mejjet tagħhom* quddiem Ġeħova f’Gibegħa taʼ Sawl, il-magħżul taʼ Ġeħova.” Imbagħad ir-re qal: “Se nagħtihomlkom.”
7 Madankollu, minħabba l-ħalfa li hu u Ġonatan bin Sawl kienu għamlu quddiem Ġeħova, hu wera ħniena maʼ Mefiboset in-neputi taʼ Sawl. 8 Għalhekk, ir-re ħa lil Armoni u lil Mefiboset, iż-żewġt itfal li Sawl kellu minn Risfa bint Ajja, u l-ħamest itfal li Mikal* bint Sawl kellha minn Għadrijel bin Barżillaj il-Meħolati. 9 Imbagħad tahom lill-Gibegħonin u dawn dendlu l-ġisem mejjet tagħhom fuq il-muntanja quddiem Ġeħova. Is-sebgħa li huma mietu flimkien. Huma nqatlu fl-ewwel jiem tal-ħsad, fil-bidu tal-ħsad tax-xgħir.* 10 Imbagħad Risfa bint Ajja ħadet drapp tal-ixkora u firxitu fuq il-blata mill-bidu tal-ħsad sakemm niżlet ix-xita fuq il-ġisem tagħhom. Hi ma ħallietx l-għasafar joqogħdu fuqhom matul il-jum u lanqas ħalliet il-bhejjem slavaġ jersqu lejhom billejl.
11 Lil David qalulu x’kienet għamlet Risfa bint Ajja, il-konkubina taʼ Sawl. 12 Għalhekk, David mar u ħa l-għadam taʼ Sawl u taʼ ibnu Ġonatan mingħand il-mexxejja* taʼ Ġabes-gilegħad, li kienu serquhom mill-pjazza taʼ Bet-san, fejn il-Filistin kienu dendluhom dakinhar li qatlu lil Sawl fuq il-Gilbogħa. 13 Hu tellaʼ minn hemmhekk l-għadam taʼ Sawl u taʼ ibnu Ġonatan. L-irġiel taʼ David ġabru wkoll l-għadam tal-irġiel li kienu ġew imdendlin.* 14 Imbagħad difnu l-għadam taʼ Sawl u taʼ ibnu Ġonatan fl-art taʼ Benjamin f’Żela fil-qabar taʼ Kis, missier Sawl. Wara li għamlu kulma kien ikkmanda r-re, Alla semaʼ t-talb bil-ħniena tal-Iżraelin għall-pajjiż.
15 Għal darb’oħra, kien hemm gwerra bejn il-Filistin u Iżrael. Għalhekk, David u l-qaddejja tiegħu niżlu u ġġieldu kontra l-Filistin, imma David għeja. 16 U wieħed mir-Refajin jismu Isbi-benob, li kellu lanza tar-ram tiżen 300 xekel* u li kien armat b’xabla ġdida, kien beħsiebu joqtol lil David. 17 Minnufih Abisaj bin Seruja mar jgħinu u attakka lill-Filisti u qatlu. Dak iż-żmien l-irġiel taʼ David insistew:* “Toħroġx iżjed magħna għall-battalja għax tmut u Iżrael ma jkollux lampa!”*
18 Wara dan, reġgħet faqqgħet gwerra mal-Filistin f’Gob. F’dan iż-żmien, Sibbekaj il-Ħusati qatel lil Saf, li kien mir-Refajin.
19 U reġaʼ kien hemm gwerra mal-Filistin f’Gob, u Elħanan bin Ġagħre-oregim il-Betlemi qatel lil Gulija l-Gitti, li l-manku tal-lanza tiegħu kien kbir bħall-injama taʼ min jinseġ bin-newl.
20 Għal darb’oħra, kien hemm gwerra f’Gat, fejn kien hemm raġel taʼ kobor straordinarju, li kellu sitt iswabaʼ fuq kull id u sieq, 24 b’kollox. U anki hu kien mir-Refajin. 21 Hu baqaʼ jisfida lil Iżrael. Għalhekk, Ġonatan bin Simgħi, ħu David, qatlu.
22 Dawn l-erbgħa kienu mir-Refajin f’Gat, u nqatlu minn David u l-qaddejja tiegħu.