It-Tieni Ktieb tas-Slaten
24 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja telaʼ kontra Ġuda, u Ġeħojakim sar il-qaddej tiegħu għal tliet snin. Imma mbagħad irribella kontrih. 2 Wara, Ġeħova beda jibgħat kontrih gruppi taʼ ħallelin Kaldin, Sirjani, Mowabin, u Għammonin. Hu baqaʼ jibgħathom kontra l-art taʼ Ġuda biex jeqridha, bħalma kien qal Ġeħova permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti. 3 Kien Ġeħova li ta l-kmand biex jiġri dan lil Ġuda, ħalli jneħħihom minn quddiem wiċċu minħabba d-dnubiet kollha li kien għamel Manasse 4 u d-demm tan-nies innoċenti li kien xerred. Għax kien mela lil Ġerusalemm b’demm taʼ nies innoċenti, u Ġeħova ma kienx lest li jaħfer.
5 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħojakim u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 6 Imbagħad Ġeħojakim miet, u ibnu Ġeħojakin sar re minfloku.
7 Ir-re tal-Eġittu qatt iktar ma bagħat l-armati tiegħu ’l barra minn pajjiżu, għax ir-re taʼ Babilonja kien ħadlu l-art kollha li kellu mill-Wied tal-Eġittu sax-Xmara Ewfrat.
8 Ġeħojakin kellu 18-il sena meta sar re, u mexxa tliet xhur f’Ġerusalemm. Ommu kienet Neħusta bint Elnatan minn Ġerusalemm. 9 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel missieru. 10 Matul dak iż-żmien, il-qaddejja tar-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja telgħu kontra Ġerusalemm u assedjawha. 11 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja wasal waqt li l-qaddejja tiegħu kienu qed jassedjawha.
12 Ir-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda ċeda flimkien m’ommu, il-qaddejja, il-prinċpijiet, u l-uffiċjali tal-palazz tiegħu. Għalhekk, ir-re taʼ Babilonja ħadu bħala lsir fit-tmien sena tiegħu bħala re. 13 Imbagħad ħa minn hemmhekk it-teżori kollha tad-dar taʼ Ġeħova u t-teżori tal-palazz tar-re. Hu kisser l-għodod kollha tad-deheb li Salamun ir-re t’Iżrael kien għamel fit-tempju taʼ Ġeħova. Dan ġara eżatt kif kien bassar Ġeħova. 14 Hu ħa fl-eżilju lil Ġerusalemm kollha, jiġifieri l-prinċpijiet, il-gwerriera b’saħħithom, u n-nies tas-sengħa u l-ħaddieda.* Ħa fl-eżilju 10,000 ruħ. Ħadd ma tħalla ħlief l-iktar nies foqra tal-pajjiż. 15 B’hekk ħa lil Ġeħojakin fl-eżilju f’Babilonja, kif ukoll lil ommu, in-nisa tiegħu, l-uffiċjali tal-palazz tiegħu, u l-irġiel importanti tal-pajjiż. 16 Ir-re taʼ Babilonja ħa wkoll fl-eżilju f’Babilonja lill-gwerriera kollha, li kienu 7,000, kif ukoll 1,000 raġel tas-sengħa u ħaddied,* ilkoll b’saħħithom u ttrennjati għall-gwerra. 17 Ir-re taʼ Babilonja għamel lil Mattanija, iz-ziju taʼ Ġeħojakin, re minfloku u biddillu ismu għal Sedekija.
18 Sedekija kellu 21 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ħamutal bint Ġeremija minn Libna. 19 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel Ġeħojakim. 20 Kien minħabba r-rabja taʼ Ġeħova li ġraw dawn l-affarijiet f’Ġerusalemm u Ġuda, sakemm keċċiehom minn quddiem wiċċu. U Sedekija rribella kontra r-re taʼ Babilonja.