It-Tieni Ktieb tas-Slaten
13 Fit-23 sena tat-tmexxija taʼ Ġeħogħas bin Aħażija r-re taʼ Ġuda, Ġeħogħaħaż bin Ġeħu sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa għal 17-il sena. 2 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnub li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. Ma warrabx minnu. 3 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna m’Iżrael, u tahom f’idejn ir-Re Ħażagħel tas-Sirja u f’idejn ibnu Ben-ħadad għal ħafna snin.
4 Maż-żmien, Ġeħogħaħaż talab bil-ħniena lil Ġeħova biex jgħinhom, u Ġeħova semgħu għax kien ra l-moħqrija li r-re tas-Sirja kien ġab fuq Iżrael. 5 Għalhekk, Ġeħova bagħat lil xi ħadd biex jeħles lil Iżrael minn taħt idejn is-Sirja, u l-Iżraelin setgħu jgħixu fi djarhom bħal qabel.* 6 (Madankollu, baqgħu jagħmlu d-dnub taʼ dar Ġerobogħam li hu ġiegħel lil Iżrael jagħmel, u l-arblu sagru* kien għadu fis-Samarija.) 7 Ġeħogħaħaż kien baqagħlu biss armata taʼ 50 rikkieb taż-żwiemel, għaxar karrijiet, u 10,000 suldat, għax ir-re tas-Sirja kien qeridhom u għamilhom bħat-trab li joħroġ fid-dris tal-qamħ.
8 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħaħaż, kulma għamel, u l-qawwa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 9 Imbagħad Ġeħogħaħaż miet u difnuh fis-Samarija. Ibnu Ġeħogħas sar re minfloku.
10 Fis-37 sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħogħas taʼ Ġuda, Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa għal 16-il sena. 11 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, ma telaqx id-dnubiet kollha li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. Baqaʼ jipprattika dawn* id-dnubiet.
12 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħas, kulma għamel, il-qawwa tiegħu, u kif iġġieled kontra Amażija r-re taʼ Ġuda huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 13 Imbagħad Ġeħogħas miet, u Ġerobogħam* qagħad fuq it-tron tiegħu. U Ġeħogħas indifen fis-Samarija mar-rejiet t’Iżrael.
14 Issa meta Eliżew marad bil-marda li spiċċa miet biha, Ġeħogħas ir-re t’Iżrael niżel għandu u beka fuqu jgħid: “Missieri, missieri! Qed nara l-karru tal-gwerra t’Iżrael u r-rikkieba taż-żwiemel tiegħu!” 15 U Eliżew qallu: “Ħu qaws u xi vleġeġ.” U hekk għamel. 16 Imbagħad qal lir-re t’Iżrael: “Ipprepara biex tispara.” U wara li għamel hekk, Eliżew qiegħed idejh fuq idejn ir-re. 17 Imbagħad qal: “Iftaħ it-tieqa lejn il-Lvant.” U fetaħha. Eliżew qallu: “Spara!” U hekk għamel. Wara qallu: “Dik hi l-vleġġa taʼ rebħa* taʼ Ġeħova! Il-vleġġa taʼ rebħa kontra s-Sirja! Int se tegħleb lis-Sirja f’Afek sa ma teqridha.”
18 Hu kompla: “Aqbad il-vleġeġ,” u qabadhom. Imbagħad qallu: “Agħti daqqiet bihom fuq l-art.” U ta tliet daqqiet u waqaf. 19 Għalhekk, il-qaddej tal-Alla l-veru rrabja ħafna għalih u qallu: “Messek għamilt hekk ħames jew sitt darbiet! Kieku kont tegħleb lis-Sirja sa ma teqridha, imma issa se tegħlibha tliet darbiet biss.”
20 Wara dan, Eliżew miet u difnuh. U kien hemm gruppi taʼ ħallelin Mowabin li kienu jidħlu fil-pajjiż fil-bidu tas-sena.* 21 Hekk kif xi rġiel kienu qed jidfnu raġel, raw il-grupp taʼ ħallelin, għalhekk tefgħu lir-raġel fil-qabar t’Eliżew u ħarbu. Meta r-raġel mess mal-għadam t’Eliżew, hu ħa l-ħajja u qam bilwieqfa.
22 Ir-Re Ħażagħel tas-Sirja ħaqar lil Iżrael kemm dam imexxi Ġeħogħaħaż. 23 Madankollu, Ġeħova wriehom qalb tajba u ħenn għalihom u wera li jimpurtah minnhom minħabba l-patt tiegħu m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Hu ma riedx jeqridhom, u ma keċċihomx minn quddiemu sal-lum. 24 Meta r-Re Ħażagħel tas-Sirja miet, ibnu Ben-ħadad sar re minfloku. 25 Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ħa lura mingħand Ben-ħadad bin Ħażagħel il-bliet li dan kien ħa mingħand missieru Ġeħogħaħaż fil-gwerra. Tliet darbiet għelbu Ġeħogħas, u ħa lura l-bliet t’Iżrael.