It-Tieni Kronaki
1 Is-saltna taʼ Salamun bin David baqgħet tissaħħaħ, u Ġeħova l-Alla tiegħu kien miegħu u hu sar importanti ħafna.
2 Salamun bagħat għal Iżrael kollu: il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet, l-imħallfin, u l-kapijiet kollha t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier. 3 Imbagħad Salamun u l-kongregazzjoni kollha marru lejn il-post għall-qima f’Gibegħon, għax hemmhekk kien hemm it-tinda tal-laqgħa tal-Alla l-veru, li Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova kien għamel fid-deżert. 4 Madankollu, David kien tellaʼ l-Arka tal-Alla l-veru minn Kirjat-ġegħarim lejn il-post li kien ipprepara għaliha. Hu kien rama tinda għaliha f’Ġerusalemm. 5 U l-artal tar-ram li kien għamel Besalel bin Uri u n-neputi taʼ Ħur tpoġġa quddiem it-tabernaklu taʼ Ġeħova. Salamun u l-kongregazzjoni kienu jitolbu quddiemu.* 6 Salamun issa għamel offerti hemmhekk quddiem Ġeħova. Hu offra 1,000 offerta tal-ħruq fuq l-artal tar-ram tat-tinda tal-laqgħa.
7 Dak il-lejl Alla deher lil Salamun u qallu: “Itlobni dak li tixtieq.” 8 U Salamun wieġeb lil Alla: “Int urejt imħabba u lealtà* kbira maʼ missieri David, u lili għamiltni re minfloku. 9 Alla Ġeħova, issa ħa jsir bħalma int wegħedt lil missieri David, għax int għamiltni re fuq poplu daqs it-trab tal-art. 10 Agħtini l-għerf u l-għarfien biex immexxi lil* dan il-poplu, għax min jistaʼ jiġġudika lil dan il-poplu kbir tiegħek?”
11 Imbagħad Alla qal lil Salamun: “Peress li tixtieq dan minn qalbek u ma tlabtnix li ssir sinjur, u lanqas għall-ġid, l-unur, li jmutu dawk li jobogħduk, jew ħajja twila, imma tlabtni l-għerf u l-għarfien biex tiġġudika l-poplu tiegħi li fuqu għamiltek re, 12 se tingħata l-għerf u l-għarfien. Imma se nagħmlek ukoll sinjur u nagħtik ġid u unur li ebda re qablek ma kellu, u li ebda wieħed warajk ma jkollu.”
13 Għalhekk, Salamun telaq mill-post għall-qima li kien f’Gibegħon, minn quddiem it-tinda tal-laqgħa, lejn Ġerusalemm. Hu mexxa fuq Iżrael. 14 Salamun baqaʼ jżid mal-karrijiet u ż-żwiemel.* Hu kellu 1,400 karru u 12,000 żiemel,* u kien iżommhom fil-bliet għall-karrijiet u qribu f’Ġerusalemm. 15 F’Ġerusalemm, ir-re għamel il-fidda u d-deheb abbundanti daqs il-ġebel, u l-injam taċ-ċedru daqs is-siġar tal-ġummajż* li hemm fis-Sefela. 16 Iż-żwiemel għal Salamun kienu jġibuhom mill-Eġittu, u l-merkanti tar-re kienu jixtru gruppi taʼ żwiemel* bil-prezz li jkunu qed jinbiegħu. 17 Kull karru li kienu jġibu mill-Eġittu kien jiswa 600 biċċa tal-fidda, u żiemel kien jiswa 150. Imbagħad dawn kienu jintbagħtu lir-rejiet kollha tal-Ħittin u tas-Sirja.