It-Tieni Kronaki
29 Ħeżekija sar re meta kellu 25 sena, u dam imexxi 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Abija bint Żakkarija. 2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel l-antenat tiegħu David. 3 Fl-ewwel xahar tal-ewwel sena tas-saltna tiegħu, hu fetaħ il-bibien tad-dar taʼ Ġeħova u sewwiehom. 4 Imbagħad ġabar il-qassisin u l-Leviti fil-pjazza lejn il-Lvant. 5 Hu qalilhom: “Isimgħuni Leviti. Issa tqaddsu intom u qaddsu d-dar taʼ Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom, u neħħu dak li mhux nadif mill-post qaddis. 6 Għax missirijietna ma kinux leali u għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tagħna. Huma telquh u ma wrewx rispett lejn it-tabernaklu taʼ Ġeħova u tawh daharhom. 7 Huma għalqu wkoll il-bibien tal-intrata u tfew il-lampi. Ma baqgħux jaħarqu l-inċens u joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq fil-post qaddis lill-Alla t’Iżrael. 8 Għaldaqstant, Ġeħova rrabja ħafna maʼ Ġuda u Ġerusalemm u ġab ħsara fuqhom, u b’hekk min jarahom u jismaʼ dwarhom jitwerwer, jistagħġeb, u jwaqqagħhom għaċ-ċajt,* bħalma qed taraw b’għajnejkom stess. 9 Missirijietna mietu bix-xabla, u s-subien, il-bniet, u n-nisa tagħna ttieħdu bħala lsiera minħabba dan. 10 Issa x-xewqa taʼ qalbi hi li nagħmel patt maʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael ħalli ma jibqax irrabjat magħna. 11 Poplu tiegħi, issa mhux iż-żmien li nkunu ttraskurati,* għax Ġeħova għażilkom biex tieqfu quddiemu, taqduh,* u toffrulu d-duħħan tas-sagrifiċċji.”
12 Dawn huma l-Leviti li bdew ix-xogħol: Mill-Keħatin, Maħat bin Għamasaj u Ġoel bin Għażarija; mill-Merarin, Kis bin Għabdi u Għażarija bin Ġeħallelel; mill-Gersonin, Ġowaħ bin Żimma u Għeden bin Ġowaħ; 13 minn dawk li jiġu minn Elisafan, Simri u Ġegħuwel; minn dawk li jiġu minn Asaf, Żakkarija u Mattanija; 14 minn dawk li jiġu minn Ħeman, Ġeħijel u Simgħi; u minn dawk li jiġu minn Ġedutun, Semajja u Użżijel. 15 Imbagħad ġabru lil ħuthom flimkien, tqaddsu, u marru jnaddfu d-dar taʼ Ġeħova, skont il-kmand tar-re fi qbil maʼ dak li qal Ġeħova. 16 Il-qassisin imbagħad daħlu fid-dar taʼ Ġeħova biex inaddfu, u kull ħaġa li ma kinitx nadifa fit-tempju taʼ Ġeħova ħarġuha fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad il-Leviti ġarrewhom ’il barra lejn il-Wied taʼ Kidron. 17 B’hekk, bdew inaddfu fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, u fit-tmienja tax-xahar waslu fl-intrata taʼ Ġeħova. Huma qaddsu d-dar taʼ Ġeħova għal tmint ijiem, u fis-16 tal-ewwel xahar lestew.
18 Imbagħad daħlu għand ir-Re Ħeżekija u qalulu: “Naddafna d-dar taʼ Ġeħova kollha kemm hi, l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu, u l-mejda tal-ħobż tal-preżenza u l-għodod kollha tagħha. 19 U l-għodod kollha li r-Re Aħaż warrab matul is-saltna tiegħu meta ma kienx leali, ippreparajniehom u qaddisniehom, u issa qegħdin quddiem l-artal taʼ Ġeħova.”
20 U r-Re Ħeżekija qam kmieni u ġabar l-uffiċjali tal-belt flimkien u telgħu lejn id-dar taʼ Ġeħova. 21 Huma ġabu sebaʼ barrin, sebaʼ mtaten, sebat iħrief irġiel, u sebaʼ bdabad bħala offerta għad-dnub ippreżentata għas-saltna, għas-santwarju, u għal Ġuda. Għalhekk hu qal lill-qassisin, li jiġu minn Aron, biex joffruhom fuq l-artal taʼ Ġeħova. 22 Wara qatlu l-barrin, u l-qassisin ħadu d-demm u raxxewh fuq l-artal, imbagħad qatlu l-imtaten u raxxew id-demm fuq l-artal, u qatlu l-ħrief u raxxew id-demm fuq l-artal. 23 Imbagħad ħadu l-bdabad tal-offerta għad-dnub quddiem ir-re u l-kongregazzjoni, u qiegħdu jdejhom fuqhom. 24 Il-qassisin qatluhom u għamlu offerta għad-dnub bid-demm tagħhom fuq l-artal biex jagħmlu tpattija għal Iżrael kollu, għax ir-re qal li l-offerta tal-ħruq u l-offerta għad-dnub kellhom ikunu għal Iżrael kollu.
25 Sadanittant, hu qabbad lil-Leviti jieħdu posthom fid-dar taʼ Ġeħova biċ-ċimbali, bl-istrumenti tal-korda, u bl-arpi, skont il-kmand taʼ David, taʼ Gad il-viżjonarju tiegħu, u taʼ Natan il-profeta, għax il-kmand kien ingħata minn Ġeħova permezz tal-profeti tiegħu. 26 Għalhekk, il-Leviti kienu weqfin bl-istrumenti taʼ David u l-qassisin bit-trumbetti.
27 Imbagħad Ħeżekija kkmanda biex joffru s-sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal. Meta bdiet l-offerta tal-ħruq, bdew ikantaw lil Ġeħova u jdoqqu l-istrumenti tar-Re David t’Iżrael flimkien mat-trumbetti. 28 U l-kongregazzjoni kollha mielet waqt li kien hemm il-kant u l-ħoss tat-trumbetti. Dan kollu baqaʼ għaddej sakemm lestew l-offerta tal-ħruq. 29 U malli lestew l-offerta, ir-re u dawk kollha li kienu miegħu mielu u nxteħtu fl-art. 30 Ir-Re Ħeżekija u l-uffiċjali issa qalu lil-Leviti biex ifaħħru lil Ġeħova bis-salmi taʼ David u t’Asaf il-viżjonarju. Għalhekk, faħħruh b’ferħ kbir u mielu u nxteħtu fl-art.
31 Imbagħad Ħeżekija qal: “Issa li ntgħażiltu* għal Ġeħova, ejjew u ġibu s-sagrifiċċji u l-offerti taʼ ringrazzjament lejn id-dar taʼ Ġeħova.” Għalhekk, il-kongregazzjoni bdiet tieħu s-sagrifiċċji u l-offerti taʼ ringrazzjament, u kull min xtaq minn qalbu ħa wkoll offerti tal-ħruq. 32 Għall-offerti tal-ħruq lil Ġeħova, il-kongregazzjoni ħadet 70 baqra, 100 muntun, u 200 ħaruf. 33 U għall-offerti qaddisin ħadu 600 baqra u 3,000 nagħġa. 34 Imma ma kienx hemm biżżejjed qassisin biex iqaxxru l-offerti tal-ħruq kollha. Għalhekk, ħuthom il-Leviti għenuhom sakemm tlesta x-xogħol u sakemm il-qassisin l-oħra setgħu jitqaddsu, għax il-Leviti kienu iktar żelużi* biex jitqaddsu milli kienu l-qassisin. 35 Ukoll, kien hemm ħafna offerti tal-ħruq, biċċiet tax-xaħam tas-sagrifiċċji tal-paċi, u offerti tax-xorb għall-offerti tal-ħruq. B’hekk is-servizz tad-dar taʼ Ġeħova reġaʼ beda.* 36 Għalhekk, Ħeżekija u n-nies kollha ferħu minħabba dak kollu li l-Alla l-veru kien għamel għan-nies, għaliex din il-ħaġa seħħet f’daqqa.