It-Tieni Kronaki
34 Ġosija kellu tmien snin meta sar re, u mexxa 31 sena f’Ġerusalemm. 2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, aġixxa bħall-antenat tiegħu David, u baqaʼ jobdi għalkollox il-kmandi t’Alla.
3 Fit-tmien sena tat-tmexxija tiegħu, meta kien għadu tifel, beda jfittex lill-Alla tal-antenat tiegħu David. U fit-12-il sena beda jnaddaf lil Ġuda u lil Ġerusalemm mill-postijiet għall-qima, l-arbli sagri,* l-istatwi minquxin, u l-istatwi tal-metall.* 4 Barra minn hekk, kissru quddiemu l-artali tal-Bagħalim, u hu qaċċat l-artali tal-inċens li kienu ’l fuq minnhom. Kisser ukoll l-arbli sagri,* l-istatwi minquxin, u l-istatwi tal-metall.* Hu għamilhom trab u ferrxu fuq l-oqbra taʼ dawk li kienu joffrulhom is-sagrifiċċji. 5 U ħaraq l-għadam tal-qassisin fuq l-artali li kienu jużaw. B’hekk naddaf lil Ġuda u lil Ġerusalemm.
6 Fil-bliet taʼ Manasse, Efrajm, Simegħon, fl-art taʼ Naftali, u fil-postijiet meqrudin taʼ madwarhom, 7 hu kisser l-artali, l-arbli sagri,* u l-istatwi minquxin sakemm għamilhom trab. Hu qaċċat l-artali tal-inċens kollha fl-art kollha t’Iżrael, u mbagħad mar lura Ġerusalemm.
8 Fit-18-il sena tat-tmexxija tiegħu, meta kien naddaf il-pajjiż u t-tempju,* hu bagħat lil Safan bin Asalija, lil Magħseja l-kap tal-belt, u lil Ġowaħ bin Ġowaħaż ir-reġistratur biex isewwu d-dar taʼ Ġeħova l-Alla tiegħu. 9 Dawn marru għand Ħilkija l-qassis il-kbir u tawh il-flus li kienu nġiebu fid-dar t’Alla, li l-Leviti li kienu għassiesa tal-bibien ġabru minn Manasse, Efrajm, u l-bqija t’Iżrael, kif ukoll Ġuda, Benjamin, u n-nies taʼ Ġerusalemm. 10 Imbagħad tawhom lil dawk li jieħdu ħsieb ix-xogħol fid-dar taʼ Ġeħova, u l-ħaddiema fid-dar taʼ Ġeħova użawhom biex jirranġaw id-dar. 11 Huma tawhom lin-nies tas-sengħa u lill-bennejja biex jixtru l-ġebel maqtugħ bl-għodda u l-injam għas-sapport u biex isewwu l-bini li r-rejiet taʼ Ġuda ħallewh jiġi rrovinat.
12 U l-irġiel għamlu x-xogħol b’lealtà. Inkarigati fuqhom biex jieħdu ħsieb ix-xogħol kien hemm dawn il-Leviti: Ġaħat u Għobadija mill-Merarin u Żakkarija u Mesullam mill-Keħatin. U l-Leviti, li kienu kollha mużiċisti tas-sengħa, 13 kienu fuq il-ħaddiema normali* u fuq dawk kollha li kienu qed jaħdmu f’kull tip taʼ servizz. U xi Leviti kienu segretarji, uffiċjali, u għassiesa tal-bibien.
14 Waqt li kienu qed joħorġu l-flus li nġiebu fid-dar taʼ Ġeħova, Ħilkija l-qassis sab il-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova li ngħata permezz taʼ Mosè. 15 Għalhekk, Ħilkija qal lil Safan is-segretarju: “Sibt il-ktieb tal-Liġi fid-dar taʼ Ġeħova.” U Ħilkija ta l-ktieb lil Safan. 16 Imbagħad Safan ħa l-ktieb għand ir-re u qallu: “Il-qaddejja tiegħek qed jagħmlu kulma ġew inkarigati. 17 Huma battlu l-flus li nstabu fid-dar taʼ Ġeħova, u tawhom lil dawk li qed jieħdu ħsieb ix-xogħol u lill-ħaddiema.” 18 Safan is-segretarju qallu wkoll: “Ħilkija l-qassis tani ktieb.” Imbagħad Safan beda jaqra minnu quddiem ir-re.
19 Malli r-re semaʼ l-kliem tal-Liġi, hu ċarrat ħwejġu. 20 Imbagħad ir-re kkmanda lil Ħilkija, Aħikam bin Safan, Għabdon bin Mikea, Safan is-segretarju, u Għasaja l-qaddej tiegħu, u qalilhom: 21 “Morru staqsu lil Ġeħova għalija u għal dawk li fadal f’Iżrael u f’Ġuda dwar xi jfisser għalina l-kliem tal-ktieb li nstab, għax Ġeħova se jirrabja ħafna magħna minħabba li missirijietna m’obdewx dak li qal Ġeħova u m’għamlux dak li hemm miktub f’dan il-ktieb.”
22 Għalhekk, Ħilkija u dawk li bagħat ir-re marru għand il-profetessa Ħulda u kellmuha. Hi kienet mart Sallum, bin Tikwa u n-neputi taʼ Ħarħas, li kien jieħu ħsieb il-kamra tal-ħwejjeġ. Hi kienet toqgħod fit-Tieni Distrett taʼ Ġerusalemm. 23 Ħulda qaltilhom: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Għidu lir-raġel li bagħatkom għandi: 24 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Se nġib ħsara fuq dan il-post u fuq in-nies tiegħu, jiġifieri s-saħtiet kollha li huma miktubin fil-ktieb li nqraw quddiem ir-re taʼ Ġuda. 25 Talli telquni u qed jagħmlu d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn sabiex joffenduni b’dak kollu li jagħmlu, ir-rabja tiegħi se ssir bħal nar kontra dan il-post u mhix se tintefa.’” 26 Imma dan għandkom tgħidu lir-re taʼ Ġuda li bagħatkom tistaqsu x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova, “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael rigward il-kliem li smajt: 27 ‘Talli qalbek tqanqlet* u umiljajt ruħek quddiemi meta smajt dak li jien għedt dwar dan il-post u n-nies tiegħu, u umiljajt ruħek quddiemi, ċarratt ħwejġek, u bkejt quddiemi, jien ukoll smajtek, jgħid Ġeħova. 28 Għalhekk, se niġbrok mal-antenati tiegħek* u tindifen fil-paċi, u għajnejk ma jarawx il-ħsara kollha li se nġib fuq dan il-post u n-nies tiegħu.’”’”
Imbagħad huma wasslu r-risposta lir-re. 29 Għalhekk, ir-re bagħat għall-anzjani* kollha taʼ Ġuda u Ġerusalemm, u marru għandu. 30 Wara, ir-re telaʼ lejn id-dar taʼ Ġeħova mal-irġiel kollha taʼ Ġuda, in-nies taʼ Ġerusalemm, il-qassisin, u l-Leviti, jiġifieri man-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir. Hu qralhom il-kliem kollu tal-ktieb tal-patt li kien instab fid-dar taʼ Ġeħova. 31 Ir-re qagħad quddiemhom u għamel* dan il-patt quddiem Ġeħova: li kien se jimxi wara Ġeħova u jobdi l-kmandamenti, it-tfakkiriet, u r-regoli tiegħu b’qalbu u b’ruħu* kollha. Hu wiegħed li jagħmel dan billi jgħix skont dak kollu li hemm miktub fil-ktieb tal-patt. 32 Barra minn hekk, hu inkuraġġixxa lil dawk kollha li kienu f’Ġerusalemm u f’Benjamin biex jgħixu fi qbil maʼ dan. U n-nies taʼ Ġerusalemm għamlu skont il-patt t’Alla, l-Alla taʼ missirijiethom. 33 Imbagħad Ġosija neħħa l-affarijiet moqżieża* kollha mill-artijiet kollha tal-Iżraelin, u inkuraġġixxa lil dawk kollha f’Iżrael biex jaqdu lil Ġeħova l-Alla tagħhom. Sakemm dam ħaj baqgħu jsegwu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom.