It-Tieni Kronaki
36 Imbagħad in-nies tal-pajjiż għamlu lil Ġeħogħaħaż re minflok missieru Ġosija f’Ġerusalemm. 2 Ġeħogħaħaż kellu 23 sena meta sar re, u mexxa tliet xhur f’Ġerusalemm. 3 Madankollu, ir-re tal-Eġittu neħħieh mill-pożizzjoni tiegħu f’Ġerusalemm, u lin-nies tal-pajjiż tahom multa taʼ talent* deheb u 100 talent fidda. 4 Barra minn hekk, ir-Re Neko tal-Eġittu għamel lil ħu Ġeħogħaħaż, Eljakim, re fuq Ġuda u Ġerusalemm u biddillu ismu għal Ġeħojakim. Imma lil Ġeħogħaħaż ħadu l-Eġittu.
5 Ġeħojakim kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu. 6 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja telaʼ kontrih biex jorbtu b’żewġ ktajjen tar-ram u jieħdu Babilonja. 7 U Nebukadnessar ħa ftit mill-għodod tad-dar taʼ Ġeħova u qegħedhom fil-palazz tiegħu f’Babilonja. 8 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħojakim, l-affarijiet moqżieża li għamel, u l-affarijiet ħżiena kollha dwaru huma miktubin fil-Ktieb tar-Rejiet t’Iżrael u taʼ Ġuda. U ibnu Ġeħojakin sar re minfloku.
9 Ġeħojakin kellu 18-il sena meta sar re, u mexxa tliet xhur u għaxart ijiem f’Ġerusalemm. Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 10 Fil-bidu tas-sena,* ir-Re Nebukadnessar bagħat xi rġiel biex jieħdu lil Ġeħojakin f’Babilonja, flimkien mal-oġġetti taʼ valur tad-dar taʼ Ġeħova. U bħala re fuq Ġuda u Ġerusalemm, hu għamel lil Sedekija ħu missier Ġeħojakin.
11 Sedekija kellu 21 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. 12 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu. M’umiljax ruħu meta Ġeħova wissieh permezz tal-profeta Ġeremija. 13 Ukoll, hu rribella kontra r-Re Nebukadnessar, li kien ġiegħlu jaħlef b’Alla li se jappoġġah. Hu baqaʼ jwebbes rasu* u ma riedx jobdi lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 14 Il-kapijiet kollha tal-qassisin u n-nies ma kinux leali billi għamlu l-affarijiet moqżieża kollha tal-popli u niġġsu d-dar taʼ Ġeħova li hu kien qaddes f’Ġerusalemm.
15 Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom baqaʼ jwissihom permezz tal-messaġġiera tiegħu. Hu wissiehom darba wara l-oħra, għaliex ħass għall-poplu tiegħu u ma riedx li t-tempju tiegħu jinqered. 16 Imma huma baqgħu jwaqqgħu għaċ-ċajt lill-messaġġiera tal-Alla l-veru, jobogħdu dak li qalilhom, u jiżżuffjettaw bil-profeti tiegħu sakemm ma kienx hemm tama li jsalvaw. U Ġeħova kien irrabjat magħhom.
17 Għalhekk, bagħat kontrihom lir-re tal-Kaldin u dan qatel liż-żgħażagħ tagħhom bix-xabla fid-dar tas-santwarju tagħhom. Hu ma ħassx għaż-żagħżugħ jew għaż-żagħżugħa, għax-xiħ jew għall-marid. Alla tah kollox f’idejh. 18 Hu ġarr lejn Babilonja l-għodod kbar u żgħar kollha tad-dar tal-Alla l-veru, it-teżori tad-dar taʼ Ġeħova, u t-teżori tar-re u l-uffiċjali tiegħu. 19 Hu ħaraq id-dar tal-Alla l-veru, waqqaʼ s-sur taʼ Ġerusalemm, ħaraq it-torrijiet iffortifikati kollha tagħha, u qered kull ħaġa taʼ valur. 20 Lil dawk li ma mitux bix-xabla, ħadhom fl-eżilju f’Babilonja u saru qaddejja tiegħu u tat-tfal tiegħu sakemm bdiet tmexxi s-saltna tal-Persja. 21 Dan ġara biex isir dak li Ġeħova qal permezz taʼ Ġeremija, sakemm l-art tkun straħet* għal kull Sabat li fih ma straħitx. L-art straħet* il-jiem kollha li baqgħet ħerba, sakemm għaddew 70 sena.
22 Fl-ewwel sena tar-Re Ċiru tal-Persja, biex isir dak li Ġeħova qal permezz taʼ Ġeremija, Ġeħova ħeġġeġ lir-Re Ċiru tal-Persja biex joħroġ aħbar importanti mas-saltna kollha tiegħu, u għamilha wkoll bil-miktub. Din kienet tgħid: 23 “Hekk jgħid ir-Re Ċiru tal-Persja, ‘Ġeħova l-Alla tas-sema tani s-saltniet kollha tal-art, u hu inkarigani biex nibnilu dar f’Ġerusalemm, li qiegħda f’Ġuda. Min fostkom hu mill-poplu tiegħu? Jalla Ġeħova l-Alla tiegħu jkun miegħu u jmur lura hemm.’”