It-Tieni Kronaki
8 Salamun bena d-dar taʼ Ġeħova u l-palazz tiegħu f’20 sena. 2 Wara dan, Salamun reġaʼ bena l-bliet li kien tah Ħiram u ssetilja lill-Iżraelin* hemmhekk. 3 Barra minn hekk, Salamun mar Ħamat-soba u ħadha taħt idejh. 4 Imbagħad iffortifika* Tadmor fid-deżert u l-bliet kollha għall-imħażen li kien bena f’Ħamat. 5 Iffortifika wkoll Bet-ħoron taʼ Fuq u Bet-ħoron t’Isfel bi swar, bibien, u staneg. 6 U ffortifika wkoll Bagħalat u l-bliet kollha għall-imħażen, il-bliet kollha għall-karrijiet, il-bliet għar-rikkieba taż-żwiemel, u kwalunkwe ħaġa li Salamun xtaq jibni f’Ġerusalemm, fil-Libanu, u fl-art kollha fejn kien imexxi.
7 U rigward in-nies kollha li kien fadal mill-Ħittin, mill-Amurrin, mill-Pereżin, mill-Ħiwwin, u mill-Ġebusin, li ma kinux parti minn Iżrael, 8 jiġifieri dawk li jiġu min-nies li l-Iżraelin ma kinux qerdu u li kien għad fadal fil-pajjiż, Salamun qabbadhom jagħmlu xogħol taʼ bilfors bħala lsiera sal-lum. 9 Imma Salamun m’għamel lil ħadd mill-Iżraelin ilsir, għax huma kienu l-gwerriera, il-kapijiet tal-ajjutanti tiegħu, u l-kapijiet tas-sewwieqa tal-karrijiet u tar-rikkieba taż-żwiemel tiegħu. 10 Kien hemm 250 kap tal-gvernaturi tar-Re Salamun, u dawn kienu fuq il-ħaddiema.
11 Ukoll, Salamun ħareġ lil bint il-Fargħun mill-Belt taʼ David u ħadha lejn id-dar li kien bnielha, għax qal: “Għalkemm hi marti m’għandhiex tgħix fid-dar tar-Re David t’Iżrael, għax il-postijiet fejn hemm l-Arka taʼ Ġeħova huma qaddisa.”
12 Imbagħad Salamun offra s-sagrifiċċji tal-ħruq lil Ġeħova fuq l-artal taʼ Ġeħova li kien bena quddiem l-intrata. 13 U fi qbil mal-kmandament taʼ Mosè, hu offra l-offerti li kien hemm bżonn għal kuljum, jiġifieri għal kull Sabat, għal kull qamar ġdid, u għall-festi stabbiliti tliet darbiet fis-sena. Dawn huma l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, il-Festa tal-Ġimgħat, u l-Festa tal-Għerejjex.* 14 Barra minn hekk, hu inkariga l-gruppi tal-qassisin għas-servizzi tagħhom skont ir-regola taʼ missieru David. Inkariga wkoll lil-Leviti għax-xogħol tagħhom, biex ifaħħru lil Alla u jaqdu quddiem il-qassisin skont ir-rutina taʼ kull ġurnata. U inkariga l-għassiesa tal-bibien fit-taqsimiet tagħhom għal kull bieb. Hu għamel dan kollu fi qbil mal-kmandament taʼ David, il-qaddej tal-Alla l-veru. 15 Huma obdew il-kmandament li r-re ta lill-qassisin u lil-Leviti dwar kollox, anki dwar l-imħażen. 16 Għalhekk, ix-xogħol kollu taʼ Salamun kien organizzat tajjeb,* mill-jum li tqiegħed il-pedament tad-dar taʼ Ġeħova sakemm tlestiet. Għalhekk, id-dar taʼ Ġeħova kienet lesta minn kollox.
17 F’dak iż-żmien, Salamun mar Għesjon-geber u Elot f’xatt il-baħar fl-art t’Edom. 18 Ħiram bagħatlu vapuri u baħrin tal-esperjenza permezz tal-qaddejja tiegħu. Dawn marru Ofir mal-qaddejja taʼ Salamun u ħadu minn hemm 450 talent* deheb għar-Re Salamun.