It-Tieni Kronaki
11 Meta Reħobogħam bin Salamun wasal Ġerusalemm, hu mill-ewwel laqqaʼ d-dar taʼ Ġuda u taʼ Benjamin, 180,000 gwerrier ittrennjat,* biex jiġġieldu kontra d-dar t’Iżrael u jieħu lura s-saltna. 2 Imbagħad Ġeħova qal lil Semajja, il-qaddej tal-Alla l-veru: 3 “Għid lil Reħobogħam bin Salamun ir-re taʼ Ġuda u lil Iżrael kollu f’Ġuda u f’Benjamin 4 li Ġeħova jgħid: ‘Titilgħux tiġġieldu kontra ħutkom. Morru lura, kull wieħed lejn daru, għax jien ġegħeltu jiġri dan.’” Għalhekk, huma obdew dak li qal Ġeħova u marru lura u ma telgħux kontra Ġerobogħam.
5 Reħobogħam għex f’Ġerusalemm u bena bliet iffortifikati f’Ġuda. 6 Il-bliet kienu Betlem, Għetam, Tekogħa, 7 Bet-sur, Soko, Għadullam, 8 Gat, Maresah, Żif, 9 Adorajm, Lakis, Għażeka, 10 Sorgħa, Ajjalon, u Ħebron, bliet iffortifikati f’Ġuda u f’Benjamin. 11 Iżjed minn hekk, hu saħħaħ il-postijiet iffortifikati, poġġa kmandanti fihom, u pprovdielhom ikel, żejt, u nbid. 12 Hu pprovda tarki kbar u lanez lill-bliet kollha u saħħaħhom bil-kbir. U Ġuda u Benjamin baqgħu tiegħu.
13 U l-qassisin u l-Leviti li kien hemm f’Iżrael kollu żammew miegħu, u telqu mit-territorji kollha tagħhom. 14 Il-Leviti ħallew l-art tagħhom fejn jirgħaw l-annimali u kulma kellhom u marru Ġuda u Ġerusalemm, għax Ġerobogħam u t-tfal tiegħu ma ħallewhomx jaqdu iktar lil Ġeħova bħala qassisin. 15 Imbagħad Ġerobogħam inkariga l-qassisin tiegħu fil-postijiet għall-qima biex jaqdu lid-demonji li qishom mogħoż* u l-barrin żgħar* li kien għamel. 16 Mit-tribujiet kollha t’Iżrael kien hemm uħud li f’qalbhom kienu determinati li jaqdu lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. Huma marru wara l-qassisin u l-Leviti lejn Ġerusalemm biex joffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. 17 Huma saħħew is-saltna taʼ Ġuda u appoġġaw lil Reħobogħam bin Salamun għal tliet snin, għax matul dak iż-żmien huma qiemu lil Alla bħalma għamlu David u Salamun.
18 Imbagħad Reħobogħam iżżewweġ lil Maħalat bint Ġerimot bin David. Ommha kienet Abiħajl bint Eljab bin Ġesse. 19 Hi wellditlu lil Ġegħus, Semarija, u Żaħam. 20 Warajha żżewweġ lil Magħka, li nannuha kien Absalom. Hi wellditlu lil Abija, Għattaj, Żiża, u Selomit. 21 Reħobogħam kien iħobb lil Magħka iktar min-nisa u l-konkubini kollha tiegħu. Hu kellu 18-il mara u 60 konkubina, u kellu 28 tifel u 60 tifla. 22 Għalhekk, Reħobogħam għamel lil Abija bin Magħka kap u mexxej fost ħutu, għax kellu l-ħsieb li jagħmlu re. 23 Madankollu, hu aġixxa bl-għaqal u bagħat* ftit mit-tfal tiegħu fir-reġjuni kollha taʼ Ġuda u taʼ Benjamin, fil-bliet iffortifikati kollha, u tahom ammont kbir taʼ provvisti u sabilhom ħafna nisa biex jiżżewġuhom.