It-Tieni Kronaki
14 Imbagħad Abija miet u difnuh fil-Belt taʼ David, u ibnu Asa sar re minfloku. Fi żmienu, l-art kienet fil-paċi għal għaxar snin.
2 Asa għamel dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu. 3 Hu neħħa l-artali barranin u l-postijiet għall-qima, kisser il-pilastri sagri, u qaċċat l-arbli sagri.* 4 Barra minn hekk, hu qal lin-nies taʼ Ġuda biex ifittxu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom u biex jobdu l-Liġi u l-kmandamenti. 5 Għalhekk, neħħa mill-bliet kollha taʼ Ġuda l-postijiet għall-qima u l-artali tal-inċens, u taħt it-tmexxija tiegħu s-saltna baqgħet bla problemi. 6 Peress li Ġeħova tah il-paċi, hu bena bliet iffortifikati f’Ġuda għax l-art ma kellhiex tfixkil u ma kien hemm ebda gwerra kontrih matul dawn is-snin. 7 Hu qal lin-nies taʼ Ġuda: “Ejja nibnu dawn il-bliet u ndawruhom bi swar u torrijiet, bibien,* u staneg. L-art għadha f’idejna, għaliex aħna fittixna lil Ġeħova l-Alla tagħna. Aħna fittixnieh, u hu tana l-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwarna.” Għalhekk irnexxielhom ilestu l-bini.
8 Asa kellu armata taʼ 300,000 raġel minn Ġuda, armati b’tarka kbira u lanza. U minn Benjamin kellu 280,000 gwerrier b’saħħtu li kienu jġorru tarka żgħira* u armati bil-qaws.
9 Iktar tard, Żeraħ l-Etjopjan ħareġ kontrihom b’armata taʼ 1,000,000 raġel u 300 karru. Meta wasal Maresah, 10 Asa ħareġ kontrih u huma tqassmu għall-battalja fil-Wied taʼ Sefata f’Maresah. 11 Imbagħad Asa għajjat lil Ġeħova l-Alla tiegħu u qal: “Ġeħova, għalik ma tagħmilx differenza jekk lil dawk li tgħin ikunux b’saħħithom* jew dgħajfin. Ġeħova Alla tagħna, għinna għax aħna fuqek nistrieħu, u f’ismek ġejna kontra din il-folla. Ġeħova, int l-Alla tagħna. Tħallix sempliċi bniedem jirbaħlek.”
12 Għalhekk, Ġeħova għeleb lill-Etjopjani quddiem Asa u Ġuda, u l-Etjopjani ħarbu. 13 Asa u n-nies taʼ miegħu baqgħu jiġru warajhom sa Gerar, u l-Etjopjani baqgħu jinqatlu sakemm ħadd ma baqaʼ ħaj, għax Ġeħova u l-armata tiegħu rebħulhom għalkollox. Imbagħad l-irġiel taʼ Ġuda ġarrew l-affarijiet kollha li ħadu. 14 Barra minn hekk, attakkaw il-bliet kollha taʼ madwar Gerar, għax Ġeħova ġiegħel lil dawn il-bliet jibżgħu. U ħadu ħafna affarijiet mill-bliet kollha għax kien hemm ħafna ġid. 15 Huma attakkaw ukoll it-tined taʼ dawk li kellhom l-annimali, ħadu ammont kbir taʼ mrieħel u iġmla, u wara marru lura Ġerusalemm.