It-Tieni Kronaki
21 Imbagħad Ġeħosafat miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David, u ibnu Ġeħoram sar re minfloku. 2 Ħutu kienu Għażarija, Ġeħijel, Żakkarija, Għażarija, Mikiel, u Sefatija. Dawn kollha kienu t-tfal tar-Re Ġeħosafat t’Iżrael. 3 U missierhom tahom ħafna rigali taʼ fidda u deheb, affarijiet taʼ valur, u bliet iffortifikati f’Ġuda. Imma s-saltna taha lil Ġeħoram, għax kien l-ewwel imwieled.
4 Meta Ġeħoram ħa kontroll tas-saltna taʼ missieru, hu saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu billi qatel lil ħutu kollha bix-xabla, kif ukoll lil xi kapijiet t’Iżrael. 5 Ġeħoram kellu 32 sena meta sar re, u dam imexxi tmien snin f’Ġerusalemm. 6 Hu aġixxa bħar-rejiet t’Iżrael, bħalma kienu għamlu dawk taʼ dar Aħab, għax hu żżewweġ lil bint Aħab. Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 7 Imma peress li Ġeħova kien għamel patt maʼ David, ma riedx jeqred lid-dar taʼ David, għax kien wiegħdu li jħalli lil dawk li jiġu minnu jmexxu* għal dejjem.
8 Fi żmienu, l-Edomin irribellaw kontra Ġuda u mbagħad għażlu re għalihom. 9 Għalhekk, Ġeħoram mar għalihom mal-kapijiet u l-karrijiet kollha tiegħu. Hu attakka billejl u għeleb lill-Edomin li kienu dawru lilu u lill-kapijiet tal-karrijiet. 10 Imma Edom baqaʼ jirribella kontra Ġuda sal-lum. Anki Libna bdiet tirribella kontrih f’dak iż-żmien, għax hu kien telaq lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijietu. 11 Ukoll, hu għamel postijiet għall-qima fuq il-muntanji taʼ Ġuda biex iwaqqaf lin-nies taʼ Ġerusalemm milli jkunu leali lejn Alla,* u b’hekk biegħed lil Ġuda minn Alla.
12 Imbagħad wasallu dan il-messaġġ bil-miktub mingħand il-profeta Elija: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla tal-antenat tiegħek David, ‘Int m’għamiltx bħal missierek Ġeħosafat jew bħar-Re Asa taʼ Ġuda. 13 Imma qed tagħmel bħar-rejiet t’Iżrael u twaqqaf lil Ġuda u n-nies taʼ Ġerusalemm milli jkunu leali lejn Alla* bħalma għamlu dawk taʼ dar Aħab. Int saħansitra qtilt lil ħutek stess, dawk taʼ dar missierek, li kienu aħjar minnek. 14 Għalhekk, Ġeħova se jikkastiga bil-kbir lill-poplu tiegħek, lit-tfal tiegħek, lin-nisa tiegħek, u kulma għandek. 15 U se tbati minn ħafna mard, inkluż marda tal-imsaren, sakemm jum wara l-ieħor joħorġulek imsarnek minħabba l-marda.’”
16 Imbagħad, Ġeħova ġiegħel il-Filistin* u l-Għarab li kienu qrib l-Etjopjani jiħduha kontra Ġeħoram. 17 Għalhekk, dawn daħlu u attakkaw lil Ġuda, u ħadu l-ġid kollu li sabu fil-palazz tar-re, kif ukoll lit-tfal u lin-nisa tiegħu. L-uniku tifel li kien baqagħlu kien ibnu ż-żgħir Ġeħogħaħaż.* 18 U wara dan kollu, Ġeħova kkastiga lil Ġeħoram b’marda fi msarnu li ma kienx hemm fejqan għaliha. 19 Xi żmien wara, meta kienu għaddew sentejn, ħarġulu msarnu minħabba l-marda tiegħu, u bata ħafna sakemm miet. U n-nies tiegħu m’għamlulux ħuġġieġa biex jonorawh bħalma kienu għamlu għal missirijietu. 20 Hu kellu 32 sena meta sar re, u dam imexxi tmien snin f’Ġerusalemm. Ħadd ma ddispjaċieh meta miet. Huma difnuh fil-Belt taʼ David, imma mhux fil-post fejn jindifnu r-rejiet.