It-Tieni Kronaki
25 Amażija kellu 25 sena meta sar re, u dam imexxi 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġeħogħaddan minn Ġerusalemm. 2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, imma mhux b’qalb sħiħa. 3 Malli kellu kontroll sħiħ tas-saltna, hu qatel lill-qaddejja tiegħu li kienu qatlu lil missieru r-re. 4 Imma lit-tfal tagħhom ma qatilhomx, għax għamel skont dak li hemm miktub fil-Liġi, fil-ktieb taʼ Mosè, li fih Ġeħova kkmanda: “Il-missirijiet m’għandhomx imutu minħabba t-tfal tagħhom, u t-tfal m’għandhomx imutu minħabba missirijiethom. Imma kull wieħed għandu jmut minħabba d-dnub tiegħu stess.”
5 U Amażija ġabar lin-nies taʼ Ġuda flimkien u qassamhom skont dar missirijiethom, skont il-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet fuq in-nies kollha taʼ Ġuda u Benjamin. Hu rreġistrahom minn 20 sena ’l fuq, u sab li kien hemm 300,000 gwerrier ittrennjat* biex jaqdu mal-armata, kapaċi jużaw il-lanza u t-tarka l-kbira. 6 Barra minn hekk, ħallas 100 talent* fidda biex iqabbad 100,000 gwerrier b’saħħtu minn Iżrael ħalli jiġġieldu għalih. 7 Imma qaddej tal-Alla l-veru mar għandu u qallu: “Re, tħallix l-armata t’Iżrael tiġi miegħek, għax Ġeħova mhux qiegħed m’Iżrael, u maʼ ħadd mill-Efrajmin. 8 Minflok, mur waħdek u kun kuraġġuż għall-gwerra, u l-Alla l-veru jgħinek. Inkella jistaʼ jħalli lill-għadu jirbaħlek.” 9 Għal dan, Amażija qal lill-qaddej tal-Alla l-veru: “Imma x’se jiġri dwar il-100 talent li jien tajt lis-suldati t’Iżrael?” Il-qaddej tal-Alla l-veru wieġbu: “Ġeħova jistaʼ jagħtik ħafna iktar minn dan.” 10 Għalhekk, Amażija bagħat lura lis-suldati li kienu ġew għandu minn Efrajm. Madankollu, kienu rrabjati ħafna kontra Ġuda meta marru lejn djarhom.
11 Imbagħad, Amażija għamel il-kuraġġ u mexxa lis-suldati tiegħu stess lejn Wied il-Melħ, u qatel 10,000 raġel mis-Segħir. 12 U l-irġiel taʼ Ġuda qabdu 10,000 raġel, ħaduhom fl-irdum, tefgħuhom għal isfel, u ġew biċċiet. 13 Imma s-suldati li Amażija kien bagħat lura biex ma jmorrux miegħu għall-gwerra, bdew jattakkaw il-bliet taʼ Ġuda, mis-Samarija sa Bet-ħoron. Huma qatlu 3,000 ruħ u ħadu ħafna affarijiet minn hemm.
14 Wara li Amażija qatel lill-Edomin, hu ħa l-allat tal-irġiel tas-Segħir u għamilhom l-allat tiegħu, u beda jmil quddiemhom u joffrilhom id-duħħan tas-sagrifiċċji. 15 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna m’Amażija, u bagħatlu profeta li qallu: “Għala qed timxi wara l-allat tan-nies li lanqas biss salvaw lil nieshom stess minnek?” 16 Hekk kif kellmu, ir-re qallu: “Ieqaf. Tlabt il-parir tiegħek jien? Jekk tibqaʼ titkellem, ikolli noqtlok.” Imma qabel il-profeta waqaf jitkellem, qallu: “Int qed tqim l-idoli u ma smajtx mill-parir tiegħi. Għalhekk, Alla ddeċieda li jeqirdek.”
17 Wara li tkellem maʼ dawk li jagħtuh il-pariri, ir-Re Amażija taʼ Ġuda bagħat jgħid lil Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż u n-neputi taʼ Ġeħu r-re t’Iżrael: “Ejja niffaċċjaw lil xulxin fil-battalja.”* 18 Ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael bagħat jgħidlu hekk lir-Re Amażija taʼ Ġuda: “Ix-xewka li kienet fil-Libanu bagħtet tgħid liċ-ċedru fil-Libanu, ‘Agħti lil bintek biex tiżżewweġ lil ibni.’ Madankollu, annimal salvaġġ tal-Libanu għadda minn hemm u għaffeġ ix-xewka. 19 Int għedt, ‘Jien* għelibt lil Edom.’ Għalhekk qalbek tkabbret, għax ridt tkun igglorifikat. Issa ibqaʼ f’darek.* Għala għandek iġġib diżastru u titlef int u Ġuda miegħek?”
20 Iżda Amażija ma semax minnu, għax kien mill-Alla l-veru li jagħti lilu u l-poplu tiegħu f’id l-għadu minħabba li kienu mxew wara l-allat t’Edom. 21 Għalhekk, ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael telaʼ u ffaċċja lir-Re Amażija taʼ Ġuda f’battalja f’Bet-xemex, li hi taʼ Ġuda. 22 Iżrael għeleb lil Ġuda, u s-suldati ħarbu kull wieħed lejn daru.* 23 F’Bet-xemex, ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael qabad lir-Re Amażija taʼ Ġuda, li kien bin Ġeħogħas u n-neputi taʼ Ġeħogħaħaż.* Imbagħad ħadu Ġerusalemm u waqqaʼ 400 kubitu* mis-sur tagħha, minn Bieb Efrajm sal-Bieb tal-Kantuniera. 24 Hu ħa d-deheb u l-fidda kollha u l-oġġetti kollha li kienu fid-dar tal-Alla l-veru u li kien jieħu ħsiebhom Għobed-edom. Ħa wkoll dak li kien hemm fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tar-re, u lil xi nies bħala ostaġġi.* Imbagħad mar lura s-Samarija.
25 Amażija bin Ġeħogħas ir-re taʼ Ġuda għex 15-il sena oħra wara l-mewt taʼ Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ir-re t’Iżrael. 26 Il-bqija tal-istorja kollha t’Amażija hi miktuba fil-Ktieb tar-Rejiet taʼ Ġuda u t’Iżrael. 27 Minn dakinhar li Amażija ma baqax jimxi wara Ġeħova, saret konfoffa kontrih f’Ġerusalemm u ħarab lejn Lakis, imma ntbagħtu xi rġiel warajh f’Lakis u qatluh hemmhekk. 28 Għalhekk, ħaduh lura fuq iż-żwiemel u difnuh maʼ missirijietu fil-belt taʼ Ġuda.