It-Tieni Kronaki
26 Imbagħad in-nies kollha taʼ Ġuda ħadu lil Użżija, li kellu 16-il sena, u għamluh re minflok missieru Amażija. 2 Hu reġaʼ bena lil Elot u taha lura lil Ġuda wara li r-re* miet. 3 Użżija kellu 16-il sena meta sar re, u mexxa 52 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġekolija minn Ġerusalemm. 4 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel missieru Amażija. 5 Hu baqaʼ jfittex lil Alla fi żmien Żakkarija, li għallmu jirrispetta ħafna* lill-Alla l-veru. Fiż-żmien li kien ifittex lil Ġeħova, l-Alla l-veru tah ħafna ġid.
6 Hu mar jiġġieled kontra l-Filistin u ħa taħt idejh lil Gat, Ġabne, u Asdod. Imbagħad bena bliet fit-territorju t’Asdod u fost il-Filistin. 7 L-Alla l-veru kompla jgħinu jirbaħ lill-Filistin, l-Għarab li kienu jgħixu f’Gurbagħal, u l-Megħunin. 8 L-Għammonin bdew iħallsu t-taxxi lil Użżija. Maż-żmien, il-fama tiegħu waslet sal-Eġittu, għax sar qawwi b’mod straordinarju. 9 Iktar minn hekk, Użżija bena torrijiet f’Ġerusalemm ħdejn il-Bieb tal-Kantuniera, il-Bieb tal-Wied, u l-Istruttura tas-Sur, u ffortifikahom. 10 Ukoll, hu bena torrijiet fid-deżert u ħaffer* ħafna ġwiebi (għax kellu ammont kbir taʼ bhejjem). Għamel hekk ukoll fis-Sefela u fil-pjanura. Hu kellu bdiewa u min jieħu ħsieb id-dwieli fuq il-muntanji u fil-Karmel, għax hu kien iħobb l-agrikultura.
11 Iktar minn hekk, Użżija kellu armata lesta għall-gwerra. Dawn kienu jmorru jiggwerraw organizzati fi gruppi. Ġegħijel is-segretarju u Magħseja l-uffiċjal għoddew u rreġistraw l-irġiel għall-gwerra fi gruppi taʼ suldati. Dawn iż-żewġt irġiel kienu taħt il-kmand taʼ Ħananija, wieħed mill-uffiċjali tar-re. 12 B’kollox, il-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier li kienu fuq dawn il-gwerriera b’saħħithom kienu 2,600. 13 Taħt it-tmexxija tagħhom, il-qawwiet tal-armata kienu 307,500 raġel lest għall-gwerra. Huma kienu qawwa militari b’saħħitha biex jgħinu lir-re kontra l-għadu. 14 Lill-armata, Użżija baqaʼ jagħtiha tarki, lanez, elmijiet, kurazzi, qwas, u ġebel għall-iżbandoli. 15 Barra minn hekk, f’Ġerusalemm għamel magni tal-gwerra ddisinjati mill-inġinieri. Dawn tqiegħdu fuq it-torrijiet u fuq il-kantunieri tas-swar u setgħu jisparaw vleġeġ u ġebel kbir. Għalhekk, hu sar famuż kullimkien, għax Alla għenu ħafna u sar b’saħħtu.
16 Madankollu, malli sar b’saħħtu, qalbu tkabbret u ġab diżastru fuqu stess. Hu ma kienx leali lejn Ġeħova l-Alla tiegħu għax daħal fit-tempju taʼ Ġeħova biex jaħraq l-inċens fuq l-artal tal-inċens. 17 Minnufih daħlu warajh il-qassis Għażarija u 80 qassis kuraġġuż ieħor taʼ Ġeħova. 18 Imbagħad huma ffaċċjaw lir-Re Użżija u qalulu: “Użżija, int mhux suppost taħraq l-inċens lil Ġeħova! Il-qassisin biss għandhom jaħarqu l-inċens, għax huma jiġu minn Aron u Alla għamilhom qaddisin. Oħroġ ’il barra mis-santwarju għax m’aġixxejtx b’lealtà. B’hekk mhux se tirċievi glorja mingħand Alla Ġeħova.”
19 Imma Użżija, li kien qed iżomm inċensier biex jaħraq l-inċens, irrabja ħafna. Waqt li kien qed jirrabja mal-qassisin, ħariġlu l-ġdiem fuq moħħu quddiem il-qassisin fid-dar taʼ Ġeħova ħdejn l-artal tal-inċens. 20 Meta l-qassis il-kbir Għażarija u l-qassisin kollha rawh, indunaw li kellu l-ġdiem fuq moħħu. Għalhekk, ħarġuh minn hemm malajr, u hu stess ħareġ jgħaġġel, għaliex Ġeħova kien ikkastigah.
21 Ir-Re Użżija baqaʼ bil-ġdiem sakemm miet. Peress li ma tħalliex jidħol fid-dar taʼ Ġeħova, hu kompla jgħix f’dar oħra. Ibnu Ġotam kien jieħu ħsieb il-palazz u jiġġudika lin-nies tal-pajjiż.
22 Il-bqija tal-istorja kollha t’Użżija kienet miktuba mill-profeta Isaija bin Għamoż. 23 Imbagħad Użżija miet u difnuh maʼ missirijietu fl-għalqa fejn jindifnu r-rejiet, għax qalu: “Hu mġiddem.” U ibnu Ġotam sar re minfloku.