Neħemija
10 Dawk li approvawh bis-siġill tagħhom kienu:
Neħemija l-gvernatur* bin Ħakalija,
Kif ukoll Sedekija, 2 Seraja, Għażarija, Ġeremija, 3 Pasħur, Amarija, Malkija, 4 Ħattus, Sebanija, Malluk, 5 Ħarim, Meremot, Għobadija, 6 Danjel, Ginneton, Baruk, 7 Mesullam, Abija, Mijamin, 8 Magħżija, Bilgaj, u Semajja; dawn huma l-qassisin.
9 Ukoll il-Leviti li approvawh kienu: Ġeswa bin Ażanija, Binnuwi mit-tfal taʼ Ħenadad, Kadmijel, 10 u ħuthom Sebanija, Ħodija, Kelita, Pelaja, Ħanan, 11 Mika, Reħob, Ħasabija, 12 Żakkur, Serebija, Sebanija, 13 Ħodija, Bani, u Beninu.
14 Il-kapijiet tal-poplu li approvawh kienu: Pargħos, Paħat-mowab, Għelam, Żattu, Bani, 15 Bunni, Għażgad, Bebaj, 16 Adonija, Bigwaj, Għadin, 17 Ater, Ħeżekija, Għażżur, 18 Ħodija, Ħasum, Bezaj, 19 Ħarif, Għanatot, Nebaj, 20 Magfigħas, Mesullam, Ħeżir, 21 Meseżabel, Sadok, Ġaddugħa, 22 Pelatija, Ħanan, Għanaja, 23 Ħosegħa, Ħananija, Ħassub, 24 Ħalloħes, Pilħa, Sobek, 25 Reħum, Ħasabna, Magħseja, 26 Aħija, Ħanan, Għanan, 27 Malluk, Ħarim, u Bagħnah.
28 Il-bqija tal-poplu li ngħaqdu fil-ftehim u li setgħu jifhmuh* kienu: Il-qassisin, il-Leviti, l-għassiesa tal-bibien, il-kantanti, il-qaddejja tat-tempju,* u dawk kollha li nfirdu minn nies taʼ pajjiżi oħra biex isegwu l-Liġi tal-Alla l-veru, flimkien man-nisa u t-tfal tagħhom. 29 Huma ngħaqdu maʼ ħuthom, irġiel importanti, u ħalfu* li se jobdu l-Liġi tal-Alla l-veru, li ngħatat permezz taʼ Mosè l-qaddej tal-Alla l-veru, u li se jżommu sew mal-kmandamenti kollha, il-ġudizzji, u r-regoli taʼ Ġeħova l-Mulej tagħna. 30 Aħna mhux se nżewġu lill-bniet tagħna lil nies taʼ pajjiżi oħra, u mhux se nieħdu l-bniet tagħhom biex inżewġuhom lis-subien tagħna.
31 Jekk nies taʼ pajjiżi oħra jiġu jbigħu xi affarijiet u kull tip taʼ ċereali* f’jum is-Sabat, aħna mhu se nixtru xejn mingħandhom la fis-Sabat u lanqas f’jum qaddis ieħor. U fis-sebaʼ sena ma naħdmux l-art u naħfru d-dejn kollu.
32 Ukoll, obbligajna lilna nfusna li kull wieħed minna se jagħti terz taʼ xekel* kull sena għas-servizz tad-dar* tal-Alla tagħna, 33 għall-ħobż tal-preżenza,* għall-offerta regolari taċ-ċereali, għall-offerta tal-ħruq regolari taʼ kull Sabat u qamar ġdid, għall-istaġuni tal-festi, għall-affarijiet qaddisin, għall-offerti għad-dnub biex jinħafru d-dnubiet t’Iżrael, u għax-xogħol kollu tad-dar tal-Alla tagħna.
34 Ukoll, tfajna x-xorti biex niddeċiedu meta kien se jmissha kull dar min-naħa tal-missier tal-qassisin, tal-Leviti, u tal-poplu biex iġġib l-injam fid-dar tal-Alla tagħna sena wara sena. Dan l-injam kellu jinħaraq fuq l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tagħna skont kif hemm miktub fil-Liġi. 35 Iddeċidejna li nġibu wkoll fid-dar taʼ Ġeħova, sena wara sena, l-ewwel prodott tal-art u l-ewwel frott taʼ kull tip taʼ siġra. 36 Se nagħtu wkoll l-ewwel tifel tagħna u l-ewwel ferħ tal-annimali, tal-baqar, tan-nagħaġ, u tal-mogħoż tagħna, skont kif hemm miktub fil-Liġi. Se nġibuhom fid-dar tal-Alla tagħna u nagħtuhom lill-qassisin li jaqdu fid-dar tal-Alla tagħna. 37 Se nġibu wkoll l-ewwel dqiq mhux irfinut, il-kontribuzzjonijiet, il-frott taʼ kull tip taʼ siġra, l-inbid ġdid, u ż-żejt. Se nġibuhom lill-qassisin fl-imħażen* tad-dar tal-Alla tagħna. U minn dak li tipprovdi l-art, se nagħtu l-għaxra fil-100* lil-Leviti, għax huma l-uħud li jiġbruhom mill-bliet fejn għandna l-għelieqi.
38 U qassis, li jiġi minn Aron, għandu jkun mal-Leviti meta dawn jiġbru l-għaxra fil-100. U minn dawn l-għaxra fil-100, il-Leviti jridu jagħtu għaxra fil-100 għad-dar tal-Alla tagħna għall-kmamar* tal-maħżen. 39 Għax l-Iżraelin u t-tfal tal-Leviti għandhom iġibu l-kontribuzzjoni taċ-ċereali, tal-inbid ġdid, u taż-żejt fil-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet.* Hemmhekk hemm l-għodod tas-santwarju kif ukoll il-qassisin li jaqdu, l-għassiesa tal-bibien, u l-kantanti. Aħna mhux se nittraskuraw id-dar tal-Alla tagħna.