Ġob
22 Elifaż it-Temani wieġeb:
2 “Jistaʼ bniedem ikun utli għal Alla?
Jistaʼ xi ħadd għaref ikun taʼ benefiċċju għalih?
3 Taħseb li Dak li Jistaʼ Kollox jimpurtah* jekk int raġel sewwa?
Jew se jiggwadanja xi ħaġa jekk int tkun bla ħtija?*
4 Sejjer hu jikkastigak
U jtellgħek il-qorti għax tirrispettah?
5 Hu se jagħmel dan minħabba l-ħażen kbir tiegħek,
U għax l-iżbalji tiegħek qatt ma jispiċċaw.
6 Għax int tieħu xi ħaġa bħala depożitu mingħand sħabek għalxejn b’xejn,
U tieħu l-ħwejjeġ tan-nies u tħallihom għarwenin.*
7 Int ma tagħtix ilma lill-għajjien,
U ikel lil min hu bil-ġuħ.
8 Int kont raġel b’saħħtek u l-art kienet tiegħek,
U kont onorat għax preferut.
10 Huwa għalhekk li int imdawwar bin-nases,*
U f’daqqa waħda qed tibżaʼ;
11 Hu għalhekk li ma tistax tifhem, għax qisek qiegħed fid-dlam
U dulluvju jgħattik.
12 Alla mhux fl-iktar parti għolja tas-sema qiegħed?
Ara kemm huma fl-għoli l-istilel.
13 Imma int għedt: ‘X’jaf Alla?
Jistaʼ hu jara minn ġos-sħab oħxon biex jiġġudika?
15 Se tagħmel bħalma għamlu l-ħżiena
Minn żmien twil ilu s’issa?
16 Dawn kienu nies li mietu f’daqqa waqt li kienu għadhom żgħar,
U tkaxkru bħal binja li jkaxkarha dulluvju.*
17 Lill-Alla l-veru kienu qed jgħidulu: ‘Ħallina bi kwietna!’
U ‘X’jistaʼ jagħmlilna Dak li Jistaʼ Kollox?’
18 Imma jien ma nitkellimx bħal dawn in-nies ħżiena.
Għalkemm jitkellmu b’dan il-mod,
Hu Alla li tahom l-affarijiet tajbin li għandhom fi djarhom.
19 In-nies sewwa se jifirħu meta jarawhom jinqerdu,
U l-innoċenti jwaqqgħuhom għaċ-ċajt u jgħidu:
20 ‘Dawk taʼ kontrina nqerdu,
U dak li ħallew warajhom se jinħaraq.’
21 Sir af lil Alla u tkun fil-paċi;
Imbagħad tiġi mbierek b’affarijiet tajbin.
22 Aċċetta l-liġi tiegħu,
U żomm dak li jgħid f’qalbek.
23 Jekk terġaʼ lura lejn Dak li Jistaʼ Kollox, terġaʼ tieħu r-ruħ;
Jekk tneħħi dak li mhux sewwa mit-tinda tiegħek,
24 Jekk tarmi d-deheb tiegħek mal-art
U d-deheb fin* qalb il-ġebel tal-widien,
25 Imbagħad Dak li Jistaʼ Kollox se jsir bħal deheb għalik,
U bħall-aqwa fidda.
26 Għax imbagħad se tieħu pjaċir b’Dak li Jistaʼ Kollox,
U int se tersaq qrib Alla mingħajr biżaʼ.
27 Int titolbu, u hu jisimgħek;
U tagħmel dak li twiegħed.
28 Se tirnexxi f’kulma tiddeċiedi li tagħmel,
U fejn timxi se jkun hemm id-dawl.
29 Int se tiġi umiljat meta tkun arroganti;
Imma min hu umli se jiġi salvat.
30 Hu se jeħles lil dawk innoċenti,
Għalhekk jekk m’għamilt xejn ħażin, int żgur li se tiġi salvat.”