L-Għanja taʼ Salamun
1 L-għanja tal-għanjiet,* li hi taʼ Salamun:
2 “Busni, busni b’xofftejk,
Għax l-espressjonijiet taʼ mħabba tiegħek huma aħjar mill-inbid.
3 Iż-żjut li tuża jfuħu.
Ismek hu bħal żejt li jfuħ u li jitferraʼ.
Għalhekk iħobbuk it-tfajliet.
Ejja nifirħu flimkien.
Ejja nitkellmu dwar l-espressjonijiet taʼ mħabba tiegħek li huma aħjar mill-inbid.
Mhux taʼ b’xejn li jħobbuk.*
5 “Nisa taʼ Ġerusalemm, jien samra* imma gustuża,
Jien bħat-tined taʼ Kedar u bħad-drapp tat-tinda taʼ Salamun.
6 Tiċċassawx lejja għax jien samra,
Għax ħaditni x-xemx.
Ħuti s-subien kienu rrabjati miegħi;
Qabbduni nieħu ħsieb l-għelieqi tad-dwieli,
Imma l-għalqa tad-dwieli tiegħi ma ħadtx ħsiebha.
7 “Għidli, ragħaj tiegħi li jien* tant inħobb,
Fejn tiħodha tiekol il-merħla tiegħek
U fejn tiħodha tistrieħ f’nofsinhar?
Għidli, ħalli ma noqgħodx indur bejn l-imrieħel taʼ sħabek
B’wiċċi mgħotti b’velu.”*
8 “L-isbaħ waħda fost in-nisa, jekk ma tafx fejn hu,
Mur minn fejn għaddiet il-merħla
U irgħa l-gidjien tiegħek ħdejn it-tined tar-ragħajja.”
9 “Għażiża tiegħi, int bħal debba* sabiħa fost il-karrijiet tal-Fargħun.
13 L-għażiż tiegħi għalija hu bħal borża tal-mirra tfuħ
U li billejl tkun bejn sidri.
14 L-għażiż tiegħi għalija hu bħal bukkett tal-fjuri tal-ħenna,
Fost l-għelieqi tad-dwieli t’Għajn-gedi.”
15 “Kemm int sabiħa, għażiża tiegħi!
Kemm int sabiħa! Għajnejk huma bħal tal-ħamiem.”
16 “Kemm int sabiħ* u ħelu, għażiż tiegħi!
Is-sodda tagħna hi magħmula minn ħaxix aħdar.