Isaija
30 Ġeħova jgħid: “Ħażin għan-nies rashom iebsa,
Li jagħmlu l-pjanijiet tagħhom u mhux tiegħi,
Li jintrabtu bi ftehim,* imma mhux bl-ispirtu tiegħi,
Sabiex ikomplu jżidu d-dnubiet tagħhom.
2 Huma jmorru l-Eġittu mingħajr ma jistaqsuni,*
Biex ikollhom il-protezzjoni tal-Fargħun*
U jistkennu fid-dell tal-Eġittu.
3 Imma intom se tistħu għax fdajtu fil-protezzjoni tal-Fargħun,
Intom se tkunu umiljati għax fittixtu lill-Eġittu għall-għajnuna.*
4 Għax il-mexxejja huma f’Sogħan,
U l-messaġġiera waslu Ħanes.
5 Kulħadd se jkollu jistħi
Għax l-Eġizzjani huma poplu li ma jistgħu jgħinu lil ħadd.
Huma la joffru għajnuna u lanqas benefiċċju,
Imma jġibu biss mistħija u tmaqdir.”
6 Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra l-bhejjem tan-Nofsinhar:
Mill-art fejn hemm l-inkwiet u t-tbatija,
Fejn hemm l-iljun jgħajjat,
Il-lifgħa, u s-serp ħafif b’velenu jaħraq bħan-nar,
Il-messaġġiera se jġorru l-ġid tagħhom fuq il-ħmir,
U l-provvisti tagħhom fuq l-iġmla.
Imma dawn l-affarijiet mhux se jkunu taʼ benefiċċju għan-nies.*
7 Għax l-għajnuna tal-Eġittu hi għalxejn,
Għalhekk, jien sejjaħtlu: “Raħab* li ma jagħmel xejn.”
8 “Issa mur u ikteb dan fuq tavla quddiemhom,
U naqqxu fi ktieb,
Ħalli dan iservi bħala xhieda permanenti għall-futur.
9 Għax huma poplu ribelluż, tfal qarrieqa,
Tfal li mhumiex lesti jisimgħu l-liġi* li tajthom jien, Ġeħova.
10 Huma jgħidu lill-profeti,* ‘Tarawx,’
U lil dawk li jaraw il-viżjonijiet, ‘Tgħidulniex viżjonijiet veri.
Għidulna affarijiet li jogħġbuna; immaġinaw dehriet qarrieqa.
11 Warrbu mit-triq it-tajba; żvijaw mit-triq.
Tibqgħux tkellmuna dwar il-Qaddis t’Iżrael.’”
12 Għalhekk, il-Qaddis t’Iżrael jgħid:
“Peress li rrifjutajtu l-kelma tiegħi,
U qed tafdaw fil-frodi
U tistrieħu fuq il-qerq,
13 L-iżball tagħkom se jkun bħal ħajt imkisser,
Bħal ħajt għoli u mmejjel li daqt jaqaʼ.
Dan se jaqaʼ f’daqqa, f’ħakka t’għajn.
14 Dan se jitkisser bħal ġarra kbira tal-fuħħar.
Tant se jitfarrak li ma jifdalx biċċa kbira biżżejjed
Biex jinġabar il-faħam jaqbad min-nar
Jew biex jittellaʼ ftit ilma minn għadira.”*
15 Għax Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* il-Qaddis t’Iżrael, jgħid:
“Jekk tridu ssalvaw, għandkom tiġu lura għandi u tistennewni naġixxi;
Jekk tibqgħu kalmi u tafdaw fija, se tkunu b’saħħitkom.”
Imma ma ridtux tagħmlu dan.
16 Minflok intom għedtu: “Le, se naħarbu fuq iż-żwiemel!”
U hekk se tagħmlu.
“U se nirkbu fuq żwiemel li jiġru ħafna!”
Anki dawk li se jiġru warajkom se jkunu ħfief.
17 Minħabba t-theddida taʼ wieħed se jitriegħdu 1,000;
Minħabba t-theddida taʼ ħamsa, intom se taħarbu
Sakemm dawk li jifdal minnkom ikunu bħal arblu fuq il-quċċata taʼ muntanja,
Bħal sinjal fuq għolja.
18 Imma Ġeħova qed jistenna bil-paċenzja biex jurikom qalb tajba,
U hu se jaġixxi biex iħenn għalikom.
Għax Ġeħova hu Alla tal-ġustizzja.
Dawk kollha li jibqgħu jistennew* lilu se jkunu ferħanin.
19 Meta l-poplu taʼ Sijon imur lura Ġerusalemm, intom mhux se tibku. Hu żgur se jurikom qalb tajba meta titolbuh għall-għajnuna; hu se jwiġibkom malli jismagħkom. 20 Għalkemm se jagħtikom it-tbatija bħall-ħobż u l-moħqrija bħall-ilma, Ġeħova l-Għalliem Grandjuż mhux se jibqaʼ jistaħba minnkom, u intom se taraw lill-Għalliem Grandjuż tagħkom b’għajnejkom stess. 21 Jekk tiżvijaw mit-triq it-tajba u tmorru lejn il-lemin jew ix-xellug, intom se tisimgħu leħen minn warajkom jgħid: “Din hi t-triq. Imxu fiha.”
22 U intom se tniġġsu l-istatwi mnaqqxin tagħkom miksijin bil-fidda u l-istatwi tal-metall* miksijin bid-deheb. Kull wieħed minnkom se jwarrabhom bħalma jagħmel b’biċċa maħmuġa,* u jgħidilhom: “Itilqu ’l hemm!”* 23 U hu se jagħti x-xita għaż-żerriegħa li tiżirgħu, u l-prodott tal-għalqa* se jkun abbundanti u tajjeb. Dakinhar, l-imrieħel tagħkom se jirgħaw f’post spazjuż mimli ħaxix. 24 Il-baqar u l-ħmir li jaħdmu fl-għalqa se jieklu għalf mill-aqwa li jiġi maħdum bil-pala u l-furkettun. 25 Dakinhar li jkun hemm qatla kbira, meta jaqgħu t-torrijiet, se jkun hemm xmajjar fuq kull muntanja għolja u kull għolja kbira. 26 Dakinhar li Ġeħova jinfaxxa l-ksur li għandu l-poplu tiegħu u jfejqilhom il-feriti gravi mid-daqqiet li tahom, id-dawl tal-qamar kwinta se jsir bħal tax-xemx u d-dawl tax-xemx se jsir b’saħħtu sebaʼ darbiet iktar, bħad-dawl taʼ sebat ijiem.
Xofftejh mimlijin rabja,
U lsienu hu bħal nar li jeqred.
28 L-ispirtu* tiegħu hu bħal ħafna xita qawwija li tasal sal-għonq,
Biex jgħaddi lill-ġnus mill-għarbiel tal-qerda;
U l-popli se jkollhom ħadida max-xedaq li se tiżvijahom.
29 Imma l-għanja tagħkom se tkun bħal dik li titkanta billejl
Meta tippreparaw* għal festa,
U qalbkom se tifraħ bħal xi ħadd li jimxi mal-ħoss taʼ flawt
Fi triqtu lejn il-muntanja taʼ Ġeħova, għand il-Blata t’Iżrael.
30 Ġeħova se jsemmaʼ l-leħen glorjuż tiegħu
U juri l-qawwa tiegħu hekk kif jikkastiga l-għedewwa fir-rabja tiegħu,
Bi fjamma taʼ nar li jeqred,
B’xita qawwija, ragħad, u silġ.
31 Għax minħabba l-leħen taʼ Ġeħova, l-Assirja se titwerwer;
Hu se jsawwatha b’bastun.
32 Kull darba li Ġeħova jagħti daqqa
Lill-Assirjani bil-bastun biex jikkastigahom
Se jindaqqu t-tanburlini u l-arpi,
Hekk kif hu jxejjer idu kontrihom fil-battalja.
33 Hu diġà pprepara post biex jeqridhom,*
Dan hu ppreparat ukoll għar-re.
Il-post li hu* għamel għall-munzell tal-injam hu fond u wiesaʼ.
Fih hemm ammont kbir t’injam għan-nar.
Ġeħova se jqabbdu bin-nifs tiegħu
Li hu bħal xmara taʼ kubrit.*