Isaija
47 Inżel u poġġi fit-trab,
Tifla verġni taʼ Babilonja.
Poġġi mal-art fejn m’hemmx iktar tron,
Tifla tal-Kaldin,
Għax in-nies qatt iktar mhu se jgħidu li int delikata u mfissda.
2 Ħu mitħna tal-idejn u itħan id-dqiq.
Neħħi l-velu tiegħek.
Inżaʼ d-dublett u ikxef saqajk.
Aqsam ix-xmajjar.
3 In-nies se jarawk għarwiena
U se jaraw għala ġejt imġiegħla tistħi.
Se nagħmel vendetta minnek, u ħadd mhu se jwaqqafni.*
5 Oqgħod bilqiegħda kwieta u mur fid-dlam,
Tifla tal-Kaldin;
Mhux se jibqgħu jgħajtulek Reġina tas-Saltniet.
6 Jien irrabjajt ħafna man-nies tiegħi,
Ħallejthom jiġu mniġġsin,
U tajthom f’idejk.
Imma int ma wrejthomx ħniena.
Anki lix-xjuħ għabbejthom b’madmad tqil.
7 Int għedt: “Jien se nibqaʼ r-Reġina għal dejjem.”
Dawn l-affarijiet ma ħadthomx bis-serjetà;
Ma tajtx kas kif se jispiċċaw.
8 Issa ismaʼ dan, int li tħobb tixxala,
Li tpoġġi bilqiegħda fis-sigurtà, u li f’qalbek tgħid:
“M’hemm ħadd bħali. Apparti jien m’hemm ħadd iktar.
Jien mhux se nsir armla.
Jien qatt mhu se nitlef it-tfal.”
9 Imma dawn iż-żewġ affarijiet se jiġrulek f’daqqa, f’ġurnata waħda:
Se titlef it-tfal u ssir armla.
Dawn żgur se tgħaddi minnhom
Minħabba* l-ħafna maġija tiegħek u l-qawwa tal-magħmul kollu li tagħmel.
10 Int fdajt fil-ħażen tiegħek.
Int għedt: “Ħadd mhu jarani.”
L-għerf u l-għarfien tiegħek żvijawk,
U f’qalbek tgħid: “M’hemm ħadd bħali. Apparti jien m’hemm ħadd iktar.”
11 Imma fuqek ġej il-gwaj,
U l-ebda maġija mhu se twaqqfu.
Se jiġi fuqek diżastru u mhux se jirnexxilek tevitah.
Se jkollok ħerba f’daqqa li qatt ma tkun għaddejt minnha.
12 Mela kompli agħmel il-magħmul u l-ħafna maġija tiegħek
Li ħdimt iebes għalihom mindu kont żgħira.
B’hekk, forsi tkun tistaʼ tibbenefika;
Forsi n-nies jibżgħu minnek.
13 Int għejejt daqskemm għandek min jagħtik pariri.
Ħa jiġu u jsalvawk
Dawk li jqimu s-sema* u li jħarsu lejn l-istilel,
Dawk li meta jkun hemm qamar ġdid jgħidulek x’se jiġrilek.
14 Huma bħal tiben.
In-nar se jaħraqhom.
Ma jistgħux isalvaw lilhom infushom mill-qawwa tal-fjamma.
Dawn il-fjammi mhumiex bħal faħam biex iżommu s-sħana,
U dan in-nar mhux biex xi ħadd joqgħod quddiemu.
15 Hekk se jiġrilhom dawk li jagħmlu l-maġija,
Dawk li ħdimt iebes magħhom mindu kont żgħira.
Huma ma jafux fejn sejrin, kull wieħed minnhom se jmur f’direzzjoni differenti.*
Ħadd mhu se jkun hemm biex isalvak.