Isaija
51 “Isimgħuni, intom li qed tistinkaw biex tagħmlu dak li hu sewwa,
Intom li qed tfittxu lil Ġeħova.
Aħsbu dwar il-blata li minnha ġejtu maqtugħin
U dwar il-barriera li ġejtu minnha.
2 Aħsbu dwar missierkom Abraham
U dwar Sara li wilditkom.
Għax hu kien waħdu meta għajjattlu,
U jien beriktu u għamiltu ħafna.
3 Għax Ġeħova se jfarraġ lil Sijon.
Hu se jirranġa* l-postijiet kollha mħarbtin tagħha,
Ix-xagħri tagħha se jagħmlu bħall-Għeden,
U l-pjanura tad-deżert tagħha bħall-ġnien taʼ Ġeħova.
In-nies fiha se jkunu kuntenti u ferħanin,
Se juru li huma grati u jkantaw għanjiet sbieħ.
4 Poplu tiegħi, agħti kasi,
Ġens tiegħi, ismagħni.
Għax se toħroġ liġi mingħandi,
U se nagħmel il-ġustizzja tiegħi bħala dawl għan-nies.
5 Dalwaqt se nagħmel ġustizzja.
Żgur li se nsalvakom,
U se nuża l-qawwa tiegħi biex niġġudika lin-nies.
In-nies tal-gżejjer se jittamaw fija,
U se jistennew li jien naġixxi.
6 Ħarsu ’l fuq lejn is-sema
U ’l isfel lejn l-art.
Għax is-sema se tinfirex bħad-duħħan;
L-art se titmermer bħall-ħwejjeġ,
U dawk li joqogħdu fiha se jmutu bħan-nemus.
Imma s-salvazzjoni tiegħi se tibqaʼ għal dejjem,
U l-ġustizzja tiegħi qatt mhu se tiġi fix-xejn.
Tibżgħux mit-twaqqigħ għaċ-ċajt tan-nies,
U titwerwrux minħabba li jgħajrukom.
8 Għax kamla se tikolhom bħalma tiekol il-ħwejjeġ;
Il-kamla tal-ħwejjeġ* se ġġibhom fix-xejn bħalma tagħmel lis-suf.
Imma l-ġustizzja tiegħi se tibqaʼ għal dejjem,
U s-salvazzjoni tiegħi għall-ġenerazzjonijiet kollha.”
9 Jalla Ġeħova jgħolli idu!
Iva, ħa jgħolli idu biex juri l-qawwa tiegħu.
Jalla jgħolliha bħalma għamel żmien twil ilu, fil-ġenerazzjonijiet tal-passat.
Mhux int li ġibt lil Raħab* biċċiet,
Li niffidt il-monstru tal-baħar?
10 Mhux int il-wieħed li nixxift il-baħar, il-ħafna ilmijiet tiegħu?
Il-wieħed li għamilt triq fil-fond tal-baħar biex jgħaddu minnha dawk li xtrajt lura?
11 Dawk li Ġeħova feda* se jiġu lura.
Huma se jiġu Sijon b’għajjat taʼ ferħ,
U l-ferħ tagħhom mhu se jispiċċa qatt.
Se jkunu kuntenti u ferħanin,
U mhux se jibku jew ikunu mdejqin.
12 Alla jgħid: “Jien stess se nfarraġkom.
Għala għandek* tibżaʼ minn bniedem li se jmut,
U minn bin il-bniedem li jinxef bħall-ħaxix aħdar?
13 Jien Ġeħova, Dak li Għamiltek,
Jien il-Wieħed li frixt is-sema u għamilt il-pedament tal-art.
Għala nsejtni?
Il-ġurnata kollha tibżaʼ mir-rabja taʼ dak li jaħqrek,*
U ħsibt li jistaʼ jeqirdek.
Imma issa fejn hi r-rabja taʼ dak li jaħqrek?
14 Dalwaqt se jinħeles min hu marbut bil-ktajjen;
Hu mhux se jmut jew imur fil-ħofra,
U se jkollu x’jiekol.
15 “Imma jien Ġeħova l-Alla tiegħek,
Li nċaqlaq il-baħar u nagħmel il-mewġ tiegħu qawwi ħafna.
Jien jisimni Ġeħova tal-armati.
16 Se ngħidlek dak li għandek ixxandar,
U se nipproteġik b’idi,
Sabiex inqiegħed is-sema postha u nagħmel il-pedament tal-art
U ngħid lil Sijon, ‘Int il-poplu tiegħi.’
17 Ġerusalemm, stenbaħ! Stenbaħ! Qum!
Jien, Ġeħova, tajtek it-tazza tar-rabja kbira tiegħi u int xrobt minnha.
Int xrobt mit-tazza tal-inbid;
Int battalt it-tazza, u b’hekk qed tixxengel.
18 Ħadd mit-tfal kollha li wellidt mhu hemm biex jiggwidak,
U ħadd mit-tfal kollha li rabbejt mhu qed iżommlok idek.
19 Se jiġrulek dawn iż-żewġ affarijiet.
Qerda u ħerba, u se tiffaċċja l-ġuħ u gwerra.
Min se jħoss għalik?
Min se jfarrġek?
20 It-tfal tiegħek tahom ħass ħażin.
Huma mimdudin f’kull kantuniera tat-triq
Bħal nagħaġ slavaġ f’xibka.
Huma se jesperjenzaw bis-sħiħ ir-rabja u l-kastig tiegħi, Ġeħova l-Alla tiegħek.”
21 Jekk jogħġbok, ismaʼ dan,
Int li qisek mara li qed tbati u fis-sakra, għalkemm mhux bl-inbid.
22 Hekk jgħid Ġeħova l-Mulej tiegħek, l-Alla tiegħek li jiddefendi l-poplu tiegħu:
“Se nieħu minn idek it-tazza li ġġiegħlek tixxengel.
It-tazza tal-inbid, it-tazza tar-rabja kbira tiegħi;
Qatt iktar mhu se terġaʼ tixrob minnha.
Għalhekk int għamilt dahrek bħall-art,
U bħal triq biex jgħaddu minnha.”