Isaija
24 Ġeħova qed ineħħi lil kulħadd minn fuq l-art* u jagħmilha ħerba.
Qed jaqlibha taʼ taħt fuq u jxerred lin-nies tagħha.
2 Se jkun l-istess għal kulħadd:
In-nies bħall-qassis,
Il-qaddej bħal sidu,
Il-qaddejja bħas-sinjura tagħha,
Il-bejjiegħ bħal min jixtri,
Min isellef bħal min jissellef,
U min għandu jagħti bħal min għandu jieħu.
3 L-art se tkun vojta għalkollox.
Se jinħataf kulma hemm fiha,
Għax Ġeħova qalu dan.
4 L-art qed titnikket;* qed tispiċċa.
L-art m’għadhiex tipproduċi; qed issir ħerba.
In-nies importanti tal-art iddgħajfu.
5 L-art tniġġset min-nies tagħha,
Għax huma injoraw il-liġijiet,
Bidlu r-regoli,
U kisru l-patt li kellu jibqaʼ għal dejjem.*
6 Hu għalhekk li s-saħta qed teqred l-art,
U dawk li jgħixu fiha huma ħatjin.
Hu għalhekk li n-nies tal-art naqsu,
U baqaʼ biss ftit.
7 L-inbid ġdid u d-dielja nixfu,
U dawk ferħanin f’qalbhom qed jibku.
8 Waqaf il-ħoss ferrieħi tat-tanburlin,
Anki l-istorbju taʼ dawk li jixxalaw,
U l-ħoss ferrieħi tal-arpa.
9 Huma jixorbu l-inbid imma ma jkantawx,
U l-alkoħol itegħmuh morr.
10 Il-belt abbandunata hi mkissra.
U kull dar hi magħluqa ħalli ħadd ma jidħol.
11 Huma qed jibku fit-toroq għax m’hemmx inbid.
Il-ferħ kollu sparixxa;
M’għadx hemm ferħ fil-pajjiż.
12 Il-belt tħalliet ħerba;
U bieb il-belt ġie mkisser għalkollox.
13 Għax hekk se jsir il-poplu tiegħi fl-art, fost in-nies tal-ġnus:
Bħal dak li jifdal f’siġra taż-żebbuġ wara li tiġi mfarfra,
U bħal ftit għeneb li jifdal wara li jinqataʼ.
14 Dawk li jifdal se jgħollu leħinhom,
Se jgħajtu bil-ferħ.
Mill-baħar* dawn se jxandru dwar il-glorja taʼ Ġeħova.
15 Għalhekk, se jfaħħru lil Ġeħova fil-Lvant.
Huma se jfaħħru l-isem taʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael fil-gżejjer.
16 Mit-tarf tal-art smajna l-kant:
“Ħa tingħata glorja lill-Alla l-Ġust!”
Imma jien ngħid: “Miskin jien, miskin jien!
Jaħasra għalija! In-nies jittradixxu u jqarrqu b’oħrajn;
Iva, huma jkomplu jittradixxu u jqarrqu bihom.”
17 Nies tal-art, hemm lesti għalikom biżaʼ, ħofor, u nases.
18 Kull min jipprova jaħrab mill-ħoss tal-biżaʼ se jaqaʼ fil-ħofra,
U min jitlaʼ mill-ħofra se jinqabad fin-nassa.
Għax il-bibien tas-sema se jinfetħu,
U l-art se titheżżeż.
20 L-art tixxengel bħal raġel fis-sakra,
U tiċċaqlaq ’l hemm u ’l hawn bħal tinda fir-riħ.
Id-dnubiet tan-nies tagħha tant huma tqal,
Li se jwaqqgħuha u ma terġax tqum.
21 Dakinhar Ġeħova se jiġġudika l-armata tas-sema
U r-rejiet tal-art.
Wara ħafna żmien huma se jiġu ġġudikati.
23 Ġeħova tal-armati sar Re fuq il-Muntanja Sijon u f’Ġerusalemm.
Hu tant se jmexxi bi glorja quddiem l-anzjani tan-nies tiegħu*
Li l-qamar kwinta se jidher imdallam
U x-xemx se tidher imċajpra meta mqabblin miegħu.