Lamentazzjonijiet
5 Ġeħova, ftakar xi ġralna.
Ħares u ara d-diżunur tagħna.
2 Il-wirt tagħna ngħata lill-istranġieri, u d-djar tagħna lill-barranin.
3 Aħna sirna orfni mingħajr missier. Ommijietna saru bħar-romol.
4 Irridu nħallsu biex nixorbu l-ilma tagħna stess, u l-injam tagħna rridu nixtruh.
5 Dawk li qed jiġru warajna huma viċin ħafna tagħna;
Aħna għajjenin, imma mhux qed iħalluna nistrieħu.
6 Aħna fdajna fl-Eġittu u l-Assirja biex ikollna biżżejjed x’nieklu.
7 Missirijietna dinbu. Huma m’għadhomx iktar magħna, imma aħna qed inġorru l-iżbalji tagħhom bħala tagħbija.
8 Issa, qaddejja qed imexxu fuqna; m’hemm ħadd li jeħlisna minn taħt idejhom.
9 Minħabba x-xabla fid-deżert, aħna qed nissograw ħajjitna biex inġibu l-ħobż.
10 Minħabba l-ġuħ li batejna, telgħalna d-deni u l-ġilda tagħna saret taħraq bħal forn.
11 Huma umiljaw* lin-nisa miżżewġin tagħna f’Sijon, u lit-tfajliet* fil-bliet taʼ Ġuda.
12 Lill-mexxejja dendluhom minn idhom u ma wrewx rispett lejn l-anzjani.
13 Il-ġuvintur iġorru l-mitħna tal-idejn, u s-subien jaqgħu minħabba t-toqol tal-injam li qed iġorru.
14 M’għadx hemm anzjani f’bieb il-belt; il-ġuvintur m’għadhomx idoqqu l-mużika.
15 M’għadniex ferħanin; minflok niżfnu, inħossuna mdejqin.
16 Il-kuruna waqgħet minn fuq rasna. Ħażin għalina, għax aħna dnibna!
17 Minħabba f’hekk, qalbna muġugħa,
U minħabba dawn l-affarijiet li m’għadniex naraw sew.
18 Minħabba li l-Muntanja Sijon hi abbandunata, issa hemm il-volpijiet jiġġerrew fuqha.
19 Imma int, Ġeħova, qiegħed fuq it-tron għal dejjem.
It-tron tiegħek se jibqaʼ minn ġenerazzjoni għal oħra.
20 Għala se tinsiena għal dejjem u tabbandunana għal żmien twil?
21 Ġeħova, erġaʼ ressaqna lejk, u aħna se nkunu lesti li niġu mill-ewwel.
Ħa jerġaʼ jkollna żmien bħal dak taʼ qabel.
22 Madankollu, int warrabtna għalkollox.
Int għadek irrabjat ħafna magħna.