Eżekjel
23 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, kien hemm żewġ nisa li kienu t-tfal tal-istess omm. 3 Huma saru prostituti fl-Eġittu. Kienu jagħmlu l-prostituzzjoni minn mindu kienu żgħar. Hemmhekk għafsulhom u messewlhom sidirhom meta kienu verġni. 4 Il-kbira kien jisimha Oħola* u oħtha Oħoliba.* Huma saru tiegħi u wilduli t-tfal. Oħola tirrappreżenta lis-Samarija u Oħoliba lil Ġerusalemm.
5 “Oħola bdiet tagħmel il-prostituzzjoni waqt li kienet il-mara tiegħi. Hi kellha xewqat sesswali għall-maħbubin tagħha l-Assirjani, li huma l-ġirien tagħha. 6 Huma kienu gvernaturi lebsin ħwejjeġ blu u uffiċjali. Kollha kemm huma kienu ġuvintur sbieħ rekbin iż-żwiemel tagħhom. 7 Hi kompliet tagħmel il-prostituzzjoni mal-iżjed Assirjani importanti, u niġġset lilha nfisha bl-idoli moqżieża* taʼ dawk li kienet tixtieq ħafna. 8 Hi ma waqfitx tagħmel il-prostituzzjoni li kienet tagħmel fl-Eġittu, għax meta kienet żgħira huma mteddew magħha, messewlha sidirha, u b’xewqa kbira kellhom relazzjoni immorali magħha. 9 Allura tajtha f’idejn il-maħbubin tagħha, jiġifieri f’idejn l-Assirjani, dawk li kellha xewqat sesswali għalihom. 10 Huma ddiżonorawha,* ħatfu t-tfal tagħha, u qatluha b’xabla. Hi kellha fama ħażina man-nisa, u hi ġiet iġġudikata.
11 “Meta oħtha Oħoliba rat dan kollu, hi kellha saħansitra iktar xewqat sesswali, u l-prostituzzjoni li għamlet kienet agħar minn t’oħtha. 12 Hi kellha xewqat sesswali għall-ġirien tagħha l-Assirjani. Dawn kienu l-gvernaturi u l-uffiċjali li kienu lebsin ħwejjeġ mill-aqwa u rekbin iż-żwiemel. Kollha kemm huma kienu ġuvintur sbieħ. 13 Meta niġġset lilha nnifisha, jien rajt li t-tnejn li huma aġixxew bl-istess mod. 14 Imma Oħoliba kompliet tagħmel iżjed prostituzzjoni. Hi rat irġiel imnaqqxin fuq il-ħajt. Dawn kienu statwi tal-Kaldin imnaqqxin u miżbugħin bl-aħmar, 15 lebsin ċinturini maʼ qaddhom, u b’turban twil fuq rashom. Kollha kemm huma kienu jidhru bħal gwerriera u jixbhu lill-Babiloniżi, li twieldu fl-art tal-Kaldin. 16 Malli rathom, hi kellha xewqat sesswali għalihom u bagħtet messaġġiera għalihom fil-Kaldija. 17 Allura l-Babiloniżi baqgħu jmorru magħha fis-sodda u niġġsuha billi kellhom relazzjoni immorali magħha. U wara li ġiet imniġġsa minnhom, hi ddiżgustathom u warrbithom.
18 “Meta hi bla mistħija għamlet il-prostituzzjoni u neżgħat għarwiena, jien kont iddiżgustat biha u warrabtha, bħalma kont iddiżgustat b’oħtha u warrabtha. 19 Hi baqgħet tagħmel iżjed prostituzzjoni, billi tiftakar f’meta kienet żgħira u kienet tagħmel il-prostituzzjoni fl-art tal-Eġittu. 20 Hi kellha xewqat sesswali għall-maħbubin tagħha bħall-konkubini taʼ rġiel li għandhom l-organu ġenitali tagħhom bħal taʼ ħmar jew bħal taʼ żiemel. 21 Int ixxennaqt għall-kondotta oxxena taʼ meta kont għadek żgħira u l-Eġizzjani kienu jmissulek sidrek.
22 “Għalhekk Oħoliba, hekk jgħidlek Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* ‘Jien se nxewwex lill-maħbubin tiegħek li int iddiżgustajt u warrabt. Jien se nġibhom kontrik minn kull direzzjoni. 23 Dawn huma l-Babiloniżi u l-Kaldin kollha, l-irġiel taʼ Pekod, Sugħa, u Kugħa, flimkien mal-Assirjani kollha. Kollha kemm huma huma ġuvintur sbieħ, gvernaturi u uffiċjali, u gwerriera u nies importanti.* Kollha kemm huma rekbin iż-żwiemel. 24 Huma se jattakkawk b’ħafna karrijiet tal-gwerra bir-roti u b’armata kbira taʼ suldati li għandhom tarki kbar u żgħar* u elmijiet. Huma se jdawruk, u jien se nagħtihom l-awtorità biex jiġġudikawk, u huma se jiġġudikawk kif jaħsbu huma. 25 Jien se nuri kemm jien irrabjat, u huma se jaġixxu kontrik bir-rabja kbira tagħhom. Se jaqtgħulek imnieħrek u widnejk, u n-nies tiegħek li jibqgħu ħajjin se jmutu bix-xabla. Huma se jiħdulek it-tfal, u dawk li se jibqgħu ħajjin se jinħarqu bin-nar. 26 Huma se jċarrtulek ħwejġek u jaħtfulek il-ġojjelli sbieħ. 27 Jien se nwaqqaf il-kondotta oxxena tiegħek u l-prostituzzjoni tiegħek li bdiet fl-art tal-Eġittu. Int mhux se tibqaʼ tħares lejhom u mhux se tiftakar iżjed l-Eġittu.’
28 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox hekk jgħid, ‘Jien dalwaqt se nagħtik f’idejn dawk li tobgħod, dawk li int iddiżgustajt u warrabt. 29 Huma se jaġixxu miegħek b’mibegħda, se jiħdulek dak li ħdimt iebes għalih, u se jħalluk għarwiena għalkollox. Kulħadd se jara l-immoralità bla mistħija tiegħek, il-kondotta oxxena tiegħek, u l-prostituzzjoni tiegħek. 30 Se jiġrulek dawn l-affarijiet għax int ġrejt wara l-popli bħal prostituta u għax niġġist lilek innifsek bl-idoli moqżieża tagħhom. 31 Int aġixxejt l-istess bħal oħtok, u se npoġġi f’idek it-tazza* tagħha.’
32 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,
‘Int se tixrob mit-tazza t’oħtok, li hi wiesgħa u fonda,
U n-nies se jidħqu bik u jwaqqgħuk għaċ-ċajt, għax it-tazza hi mimlija b’dan.
33 Int se tixrob it-tazza t’oħtok is-Samarija.
Int se tisker, se jkollok ħafna dwejjaq,
U se ssir xi ħaġa tal-biżaʼ u mwarrba.
34 Int se jkollok tixrob it-tazza sal-aħħar qatra u tgerrem il-biċċiet tal-fuħħar tat-tazza,
U mbagħad iċċarrat sidrek.
“Għax jien stess tkellimt,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’
35 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Peress li nsejtni u injorajtni għalkollox,* int se jkollok tbati l-konsegwenzi tal-kondotta oxxena tiegħek u tal-prostituzzjoni li tagħmel.’”
36 Imbagħad Ġeħova qalli: “Bin il-bniedem, lest int biex tgħidilhom il-ġudizzju lil Oħola u Oħoliba u tiffaċċjahom għall-affarijiet moqżieża li għamlu? 37 Huma għamlu adulterju,* u jdejhom imċappsin bid-demm tan-nies li qatlu. Mhux talli għamlu adulterju billi qiemu l-idoli moqżieża tagħhom, imma wkoll ħarqu lit-tfal tiegħi fin-nar bħala ikel għall-idoli tagħhom. 38 U mhux hekk biss, imma għamluli hekk ukoll: Dakinhar huma niġġsu s-santwarju tiegħi u ddiżonoraw il-liġi tiegħi dwar is-Sabat. 39 Dakinhar stess, wara li qatlu lit-tfal tagħhom bħala sagrifiċċji għall-idoli moqżieża tagħhom, huma daħlu fis-santwarju tiegħi biex jiddiżonorawh. Dan għamluh fit-tempju tiegħi stess. 40 Huma anki bagħtu għall-irġiel biex jiġu mill-bogħod ħafna permezz taʼ messaġġier. Meta kienu ġejjin, int inħsilt, żbajt għajnejk, u żżejjint bil-ġojjelli. 41 U int poġġejt fuq sufan mill-isbaħ b’mejda quddiemu, u fuqha qegħedt l-inċens u ż-żejt tiegħi. 42 Hemmhekk instemaʼ l-ħoss taʼ folla rġiel li lesti li jieħdu pjaċir, u fosthom kien hemm sakranazzi li ġabuhom mid-deżert. Huma poġġew ċpiepet f’idejn iż-żewġ nisa u kuruni sbieħ fuq rashom.
43 “Imbagħad dwar dik li għejiet tagħmel l-adulterju, għedt, ‘Hi se tkompli tagħmel il-prostituzzjoni.’ 44 Allura baqgħu jmorru għandha bħalma wieħed imur għand prostituta. Hekk marru għand Oħola u Oħoliba, in-nisa li jaġixxu b’mod oxxen. 45 Imma rġiel ġusti se jiġġudikawha kif ħaqqha għall-adulterju u t-tixrid taʼ demm; għax it-tnejn li huma adulteri, u għandhom idejhom imċappsin bid-demm tan-nies li qatlu.
46 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Se nġib armata kontrihom u se tisirqilhom kollox, u huma se jsiru xi ħaġa tal-biżaʼ għall-popli taʼ madwarhom. 47 L-armata se twaddbilhom il-ġebel u toqtolhom bix-xabla. Huma se joqtlu s-subien u bniet tagħhom u jaħarqulhom id-djar tagħhom. 48 Jien se nara li ma jkunx hemm iżjed kondotta oxxena fil-pajjiż, u n-nisa kollha se jieħdu t-tagħlima u ma jimitawx il-kondotta oxxena tagħkom. 49 Huma se jġibu fuqkom il-konsegwenzi tal-kondotta oxxena tagħkom u tad-dnubiet li għamiltu mal-idoli moqżieża tagħkom; u intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’”