Eżekjel
24 Fl-għaxar jum tal-għaxar xahar tad-disaʼ sena, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ħu nota taʼ din id-data, taʼ dan il-jum, għax f’dan il-jum ir-re taʼ Babilonja beda l-attakk tiegħu kontra Ġerusalemm. 3 U għid dan il-proverbju* dwar in-nies ribellużi:
“‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*
“Poġġi l-borma fuq in-nar u ferraʼ l-ilma fiha.
4 Poġġi biċċiet tal-laħam fiha, kull biċċa tajba,
Il-koxxa u l-ispalla; imlieha bl-aqwa għadam.
5 Ħu l-aqwa nagħaġ tal-merħla u qiegħed iz-zkuk taħt il-borma mad-dawra kollha.
Għalli l-biċċiet tal-laħam u sajjar l-għadam taʼ ġo fiha.”’”
6 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:
‘Ħażin għall-belt li xxerred id-demm, li hi bħal borma bis-sadid u li s-sadid ma tneħħiex!
Neħħi l-laħam minnha biċċa biċċa; titfax ix-xorti għalihom.
7 Għax id-demm li xerrdet qiegħed fiha.
Hi ferrgħetu fuq blat ċatt. Ma ferrgħetux fl-art biex tgħattih bit-trab.
8 Jien poġġejt id-demm tagħha fuq blata ċatta u tleqq
Biex jibqaʼ jidher,
Ħalli nirrabja ħafna u nagħmel vendetta.ʼ
9 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:
‘Ħażin għall-belt li xxerred id-demm!
Jien se nagħmel ħafna njam fuq xulxin.
10 Żid iz-zkuk u qabbad in-nar,
Għalli l-laħam sew, ferraʼ l-brodu, u ħalli l-għadam jinħaraq.
11 Poġġi l-borma vojta fuq il-ġamar biex tisħon,
U b’hekk ir-ram tagħha jiġi jaħraq ħafna.
Il-ħmieġ tagħha jdub fiha, u s-sadid tagħha jinħaraq.
12 Lanqas ħaqq il-kedda,
Għax il-ħafna sadid tagħha mhux se jinqalaʼ.
Itfagħha fin-nar bis-sadid b’kollox!’
13 “‘In-nuqqas taʼ ndafa tiegħek hu minħabba l-kondotta oxxena tiegħek. Ipprovajt innaddfek, imma int ma kontx se tindaf min-nuqqas taʼ ndafa tiegħek. Int se tindaf wara li ma nibqax daqshekk irrabjat miegħek. 14 Jien stess, Ġeħova, tkellimt. Dan se jiġri. Jien se naġixxi mingħajr ma nżomm lura, la se tiġini ħasra, u lanqas se jiddispjaċini. Huma se jiġġudikawk skont dak li għamilt u kif aġixxejt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
15 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 16 “Bin il-bniedem, f’daqqa waħda se niħodlok lill-għażiża tiegħek. Int m’għandekx tagħmel vistu* u lanqas tibki. 17 Tkarrab fil-kwiet u tagħmilx il-vistu għall-mejtin. Orbot it-turban tiegħek u ilbes is-sandli. M’għandekx tgħatti l-mustaċċi u tikolx il-ħobż li jġibulek.”
18 Filgħodu kellimt lin-nies, u filgħaxija mietet il-mara tiegħi. Għalhekk, l-għada filgħodu għamilt bħalma ġejt ikkmandat. 19 U n-nies bdew jgħiduli: “Tistaʼ tgħidilna xi jfissru għalina dawn l-affarijiet li qed tagħmel?” 20 Wiġibthom: “Irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid, 21 ‘Għid lill-poplu t’Iżrael: “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Jien daqt se niddiżonora s-santwarju tiegħi li intom kburin bih, li tgħożżuh ħafna, u li hu marbut maʼ qalbkom.* Is-subien u l-bniet tagħkom stess li ħallejtu warajkom se jinqatlu bix-xabla. 22 Imbagħad se jkollkom tagħmlu bħalma għamilt jien. M’intomx se tgħattu l-mustaċċi tagħkom u lanqas se tieklu l-ikel li se jġibulkom oħrajn. 23 It-turban tagħkom se jkun fuq raskom u s-sandli f’saqajkom. M’intomx se tagħmlu vistu jew tibku. Minflok, intom se tbatu minħabba l-iżbalji tagħkom stess u se tokorbu maʼ xulxin. 24 Eżekjel sar sinjal għalikom. Bħalma għamel hu, hekk se tagħmlu intom. Meta jiġri hekk, intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’”’”
25 “U int, bin il-bniedem, dakinhar li jien niħdilhom il-fortizza tagħhom, jiġifieri l-ħaġa sabiħa li tagħtihom il-ferħ, il-ħaġa għażiża għalihom, u dik li qalbhom* hi marbuta magħha, flimkien mat-tfal tagħhom subien u bniet, 26 int se ssir taf b’dan mingħand wieħed li jkun ħarab. 27 Dakinhar se tiftaħ ħalqek u titkellem mal-wieħed li jkun ħarab, ma tibqax iktar mutu. Int se ssir sinjal għalihom, u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”