Eżekjel
25 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn l-Għammonin u pprofetizza kontrihom. 3 Dwar l-Għammonin għandek tgħid, ‘Isimgħu dak li jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.* Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Peress li fraħtu meta s-santwarju tiegħi ġie ddiżonorat, meta l-art t’Iżrael tħalliet ħerba, u meta l-poplu taʼ Ġuda mar fl-eżilju, 4 jien se nagħtikom f’idejn in-nies tal-Lvant. Huma se jagħmlu l-kampijiet tagħhom* fik u jarmaw it-tined tagħhom f’nofsok. Huma se jieklu l-frott tagħkom u jixorbu l-ħalib tagħkom. 5 Lil Rabba se nagħmilha post fejn jirgħaw l-iġmla, u l-art tal-Għammonin post fejn tistrieħ il-merħla; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.”’”
6 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Minħabba li ċapċapt idejk, sabbatt saqajk, u fraħt bil-ħdura taʼ qalbek minħabba s-sitwazzjoni tal-art t’Iżrael, 7 jien se nuża l-qawwa tiegħi kontrik u nagħtik f’idejn il-popli biex jisirquk. Jien se nneħħik mill-popli u neqirdek mill-pajjiżi. Jien se neqirdek għalkollox, u int se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.’
8 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Peress li Mowab u s-Segħir qalu: “Il-poplu taʼ Ġuda hu bħall-popli l-oħrajn kollha,” 9 jien se nħalli l-bliet tal-fruntieri taʼ Mowab jiġu attakkati, inkluż l-aqwa* bliet taʼ Bet-ġesimot, Bagħal-megħon, u saħansitra Kirjatajm. 10 Se nagħti lill-Mowabin u l-Għammonin lin-nies tal-Lvant biex il-popli ma jiftakrux iktar l-Għammonin. 11 U se nagħmel ġudizzju f’Mowab u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’
12 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Edom għamel vendetta mill-poplu taʼ Ġuda, u b’hekk ġab fuqu ħtija kbira billi vvendika ruħu minnhom. 13 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nuża l-qawwa tiegħi wkoll kontra Edom u se noqtol minnu kemm bniedem u kemm annimal, u nagħmlu ħerba. Huma se jmutu bix-xabla minn Teman sa Dedan. 14 ‘Se nġib vendetta fuq Edom permezz tal-poplu tiegħi Iżrael. Dawn se juru r-rabja u l-korla tiegħi m’Edom biex ikun jaf x’inhi l-vendetta tiegħi stess,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’
15 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Il-Filistin ipprovaw bi krudeltà jġibu vendetta u qerda minħabba l-mibegħda kontinwa tagħhom. 16 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nuża l-qawwa tiegħi kontra l-Filistin u se nneħħi lill-Keretin u neqred lin-nies li jgħixu mal-kosta tal-baħar li jkun fadal. 17 U se nagħmel vendetta kbira minnhom b’kastigi ħorox, u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nġib il-vendetta fuqhom.”’”