Eżekjel
26 Fl-ewwel jum tax-xahar fil-11-il sena, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, minħabba li Tir qalet kontra Ġerusalemm, ‘Il-bieb tal-popli nkiser! Kollox ġej lejja, u peress li saret ħerba, jien se nsir sinjura.’ 3 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Tir, jien kontrik, u se nġib ħafna popli kontrik bħalma l-baħar iġib il-mewġ tiegħu. 4 Huma se jeqirdu s-swar taʼ Tir u jwaqqgħulha t-torrijiet tagħha, u jien se nneħħilha l-ħamrija u nagħmilha blata tleqq li ma jitlaʼ xejn fuqha. 5 Hi se ssir post fejn inixxfu x-xbieki f’nofs taʼ baħar.’
“Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Jien stess tkellimt, u l-popli se jisirquha. 6 In-nies tal-bliet* fil-kampanja tagħha se jinqatlu bix-xabla, u n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’
7 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien qed inġib mit-Tramuntana lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja biex jiġġieled kontra Tir. Hu re tar-rejiet li għandu żwiemel, karrijiet tal-gwerra, suldati tal-kavallerija, u armata taʼ ħafna suldati. 8 Hu se jeqred il-bliet fil-kampanja u se jibni ħajt tal-assedju, itellaʼ rampa għall-assedju, u jerfaʼ tarka kbira kontrik. 9 Hu se jattakka s-swar tiegħek b’magni li jeqirdu, u bl-imnanar se jwaqqaʼ t-torrijiet tiegħek. 10 Tant se jkollu żwiemel li se jgħattuk bit-trab, u l-ħoss tas-suldati tal-kavallerija, tar-roti, u tal-karrijiet tal-gwerra se jġiegħlu s-swar tiegħek jitriegħdu meta jidħol mill-bibien tiegħek, bħal irġiel li jattakkaw belt bi swar imkissrin. 11 Saqajn iż-żwiemel se jgħaddu mit-toroq kollha tiegħek. Hu se joqtol lin-nies bix-xabla, u l-kolonni b’saħħithom tiegħek se jitfarrku mal-art. 12 Huma se jaħtfu r-riżorsi tiegħek, jisirqu l-merkanzija tiegħek, iwaqqgħu s-swar tiegħek, u jkissru d-djar sbieħ tiegħek. Imbagħad se jitfgħu fil-baħar il-ġebel, ix-xogħol tal-injam, u l-ħamrija tiegħek.’
13 “‘Jien se nwaqqaf il-ħsejjes tal-kant tiegħek, u l-ħoss tal-arpi tiegħek mhux se jinstemaʼ iktar. 14 U jien se nagħmlek blata tleqq li ma jitlaʼ xejn fuqha. Int se ssir post fejn inixxfu x-xbieki. Qatt mhu se terġaʼ tinbena, għax jien, Ġeħova, tkellimt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
15 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lil Tir: ‘Jaqaw il-gżejjer mhux se jitriegħdu bil-biżaʼ mal-ħoss tal-waqgħa tiegħek, meta dawk li jkunu feruti għall-mewt jibku, meta jsir ħafna qtil f’daqqa f’nofsok? 16 Il-kapijiet kollha tal-baħar se jinżlu minn fuq it-tronijiet tagħhom, se jneħħu l-libsa taʼ bla kmiem, jinżgħu l-ħwejjeġ irrakkmati, u jitriegħdu bil-biżaʼ. Se jpoġġu bilqiegħda mal-art, jibqgħu jitriegħdu, u jħarsu lejk bi stagħġib. 17 U se jkantawlek għanja taʼ swied il-qalb u jgħidulek:
“‘“Kif spiċċajt, int li għandek joqogħdu n-nies tal-baħar, il-belt li tiġi mfaħħra;
Int u n-nies tiegħek kontu b’saħħitkom fuq il-baħar
U tbeżżgħu n-nies kollha tal-art!
18 Il-gżejjer se jitriegħdu dakinhar li taqaʼ,
Il-gżejjer se jinkwetaw meta tispiċċa.”’
19 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Meta nagħmlek ħerba, bħall-bliet li ma joqogħdux fihom nies, meta nkaxkrek b’mewġ qawwi u ngħattik b’ilmijiet b’saħħithom, 20 jien se nniżżel lilek u lil dawk taʼ miegħek fil-qabar* għand il-poplu taʼ żmien twil ilu. Jien se nġiegħlek tgħix fl-iktar post fil-baxx, bħall-postijiet tal-antik li ġew ħerba, flimkien maʼ dawk li neżlin fil-qabar, ħalli ma jibqax ikollok nies jgħixu fik. Imbagħad se nsebbaħ l-art tal-ħajjin.
21 “‘Fuqek se nġib biżaʼ f’daqqa u mhux se tibqaʼ teżisti. Se jfittxuk, imma qatt mhu se jsibuk,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”