Eżekjel
27 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, kanta għanja taʼ swied il-qalb dwar Tir, 3 u għid lil Tir,
‘Int li tgħix ħdejn il-bibien tal-baħar,
In-negozjanta taʼ nies taʼ ħafna gżejjer,
Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*
“Tir, int tgħid dwarek innifsek li għandek sbuħija perfetta.
4 It-territorji tiegħek qegħdin fil-qalba tal-baħar,
U dawk li bnewk ipperfezzjonaw is-sbuħija tiegħek.
5 Huma għamlu t-twavel kollha tiegħek mis-siġar tal-ġnibru tas-Senir,
U biex jagħmlu l-arblu tal-vapur għalik, huma ħadu ċ-ċedru mil-Libanu.
6 L-imqadef tiegħek għamluhom mis-siġar tal-ballut tal-Basan,
U l-pruwa tiegħek miċ-ċipress ingastat bl-avorju mill-gżejjer taʼ Kittim.
7 Għall-qlugħ tiegħek, int tuża għażel ikkulurit mill-Eġittu,
U t-tined tal-vapur tiegħek kienu magħmulin minn ħajt blu u suf vjola mill-gżejjer t’Elisa.
8 Il-qaddiefa tiegħek huma nies minn Sidon u Arwad.
Tir, il-baħrin tiegħek huma n-nies tas-sengħa tiegħek stess.
9 L-irġiel tal-esperjenza u tas-sengħa taʼ Gebal kienu jimlew ix-xquq tiegħek.
Il-vapuri kollha tal-baħar u l-baħħara tagħhom kienu jiġu għandek sabiex jinnegozjaw il-merkanzija miegħek.
10 L-irġiel tal-Persja, taʼ Lud, u taʼ Put kienu fl-armata tiegħek, l-irġiel tiegħek tal-gwerra.
Huma kienu jdendlu t-tarki u l-elmijiet miegħek u kienu jġibulek glorja.
11 L-irġiel t’Arwad li kienu fl-armata tiegħek kienu fuq is-swar mad-dawra kollha,
U l-irġiel kuraġġużi kienu fuq it-torrijiet tiegħek.
Huma dendlu t-tarki tondi mad-dawra tas-swar kollha tiegħek
U pperfezzjonaw is-sbuħija tiegħek.
12 “‘“In-nies taʼ Tarsis kienu jinnegozjaw miegħek minħabba l-ġid kbir tiegħek. Huma kienu jpartu l-fidda, il-ħadid, il-landa, u ċ-ċomb mal-prodotti tiegħek. 13 Ġawan, Tubal, u Mesek innegozjaw miegħek. Huma kienu jpartu l-ilsiera u oġġetti tar-ram mal-merkanzija tiegħek. 14 Dawk li ġew mill-familja taʼ Togarma biddlu ż-żwiemel u l-bgħula mal-prodotti tiegħek. 15 In-nies taʼ Dedan innegozjaw miegħek. Int kont tħaddem merkanti f’ħafna gżejjer; huma kienu jħallsuk b’avorju u njam iswed speċjali. 16 Edom innegozja miegħek minħabba l-abbundanza tal-prodotti tiegħek. Huma kienu jagħtu suf vjola, rakkmu kkulurit, drapp mill-aqwa, turkina, korall, u rubini għall-prodotti tiegħek.
17 “‘“Ġuda u l-art t’Iżrael innegozjaw miegħek. Huma kienu jpartu l-qamħ taʼ Minnit, l-aqwa ikel, l-għasel, iż-żejt, u l-balzmu għall-prodotti tiegħek.
18 “‘“Damasku kienet tinnegozja l-inbid taʼ Ħelbon u s-suf taʼ Żaħar* minħabba li għandek ħafna prodotti u l-ġid kollu tiegħek. 19 Vedan u Ġawan minn Użal kienu jpartu ħadid maħdum, kassja,* u qasab aromatiku għall-prodotti tiegħek. 20 Dedan kien jinnegozja miegħek materjal minsuġ li jitpoġġa fuq id-dahar tal-annimali biex ipoġġu fuqu. 21 Int kont tħaddem l-Għarab u l-kapijiet kollha taʼ Kedar li kienu l-merkanti tal-ħrief, tal-imtaten, u tal-bdabad. 22 Il-merkanti taʼ Xeba u Ragħma nnegozjaw miegħek. Huma kienu jpartu kull tip tal-aqwa fwejjaħ, ħaġar prezzjuż, u deheb għall-prodotti tiegħek. 23 Ħaran, Kanne, Għeden, u l-merkanti taʼ Xeba, t’Assur, u taʼ Kilmad innegozjaw miegħek. 24 Fis-suq tiegħek kienu jinnegozjaw ħwejjeġ il-ġmiel tagħhom, imnatar magħmulin minn materjal blu u rakkmu kkulurit, u tapiti b’ħafna kuluri, li lkoll kienu jkunu marbutin sew.
25 Il-vapuri taʼ Tarsis kienu jġorru l-merkanzija tiegħek,
Biex tkun mimlija u mgħobbija* f’nofs il-baħar miftuħ.
26 Il-qaddiefa tiegħek ħaduk f’baħar imqalleb;
Ir-riħ mil-Lvant farrkek f’nofs il-baħar miftuħ.
27 Il-ġid, il-prodotti, il-merkanzija, il-baħħara, u l-baħrin tiegħek,
Dawk li jimlew ix-xquq, dawk li jinnegozjaw il-merkanzija tiegħek, u l-irġiel kollha tal-gwerra tiegħek,
Dawn in-nies kollha,
Se jegħrqu f’nofs baħar miftuħ dakinhar li int taqaʼ.
28 Meta l-baħrin tiegħek jgħajtu, l-artijiet taʼ mal-baħar jitriegħdu.
29 Il-qaddiefa, il-baħrin, u dawk kollha li jaħdmu fuq il-vapuri
Se jinżlu minn fuq il-vapuri tagħhom u jibqgħu fuq l-art.
30 Huma se jgħollu leħinhom u jibku fuq li jibku għalik,
Hekk kif jitfgħu t-trab fuq rashom u jitmiegħku fl-irmied.
31 Huma se jqaxxru xagħarhom u jilbsu ħwejjeġ tal-ixkora;
Se jibku fuq li jibku* għalik bi swied il-qalb kbir.
32 Waqt li jibku huma jkantaw għanja taʼ swied il-qalb għalik u jgħidu dwarek:
‘Min hu bħal Tir, li issa hi siekta f’nofs taʼ baħar?
33 Int kont tferraħ lil ħafna nies meta l-prodotti tiegħek kienu jiġu minn baħar miftuħ.
Il-ġid abbundanti tiegħek u l-merkanzija tiegħek għamlu r-rejiet tal-art iktar sinjuri.
34 Issa li tfarrakt f’baħar miftuħ, f’ilmijiet fondi,
Il-merkanzija kollha tiegħek u n-nies tiegħek għerqu miegħek.
35 In-nies kollha tal-gżejjer se jiċċassaw lejk u jistagħġbu,
U r-rejiet tagħhom se jitriegħdu bil-biżaʼ u wiċċhom ikun jidher li huma inkwetati.
36 Il-merkanti fost il-popli se jxenglu rashom* minħabba dak li ġralek.
It-tmiem tiegħek se jiġi f’daqqa u se jkun tal-biżaʼ,
U int mhux se tibqaʼ teżisti għal dejjem.’”’”