Eżekjel
3 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, kul dak li għandek quddiemek. Kul dan l-iskroll, u mur kellem il-poplu t’Iżrael.”
2 Allura ftaħt ħalqi, u tani l-iskroll biex nieklu. 3 U kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, kul dan l-iskroll li qed nagħtik u imla żaqqek bih.” Allura bdejt nieklu, u togħmtu ħelu bħall-għasel.
4 Hu qalli: “Bin il-bniedem, mur f’nofs il-poplu t’Iżrael, u għidilhom dak li se ngħidlek. 5 Jien mhux qed nibagħtek għand poplu li jitkellem lingwa li ma tinftihemx u li int ma tafx, imma għand il-poplu t’Iżrael. 6 Mhux qed nibagħtek għand ħafna popli li jitkellmu b’lingwa li ma tinftihemx jew b’lingwa li int ma tafx, li l-kliem tagħhom ma tistax tifhmu. Kieku qed nibagħtek għandhom, huma jisimgħuk. 7 Imma l-poplu t’Iżrael mhux se jkunu jridu jisimgħu minnek, għax ma jridux jisimgħu minni. In-nies kollha t’Iżrael huma rashom iebsa u ma jridux jafu. 8 Jien għamiltek determinat u deċiż bħalhom.* 9 Moħħok għamilthulek bħad-djamant, iktar iebes miż-żnied. Tibżax u titwerwirx minnhom, għax huma nies ribellużi.”
10 Hu kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, agħti kas u ismaʼ dak kollu li qed ngħidlek. 11 Mur fost l-eżiljati tal-poplu tiegħek u kellimhom. Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,’* kemm jekk jisimgħu u kemm jekk ma jkunux iridu jisimgħu.”
12 Imbagħad l-ispirtu* ġarrni, u minn warajja smajt ħoss kbir u leħen li jgħid: “Jalla Ġeħova jiġi mfaħħar għall-glorja tiegħu minn fejn jgħix.” 13 Smajt il-ġwienaħ tal-ħlejjaq ħajjin li kienu qed iħabbtuhom maʼ xulxin, il-ħoss tar-roti taʼ ħdejhom, u ħoss kbir. 14 U l-ispirtu* ġarrni, u jien mort imdejjaq u rrabjat, u l-qawwa taʼ Ġeħova bdiet taħdem fuqi. 15 Allura mort għand in-nies li kienu fl-eżilju f’Tel-abib, għand dawk li kienu qed joqogħdu ħdejn ix-Xmara Kebar, u qgħadt hemm fejn kienu qed joqogħdu huma. Jien kont għadni mbellah u qgħadt fosthom sebat ijiem.
16 Meta għaddew is-sebat ijiem, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova:
17 “Bin il-bniedem, jien inkarigajtek bħala għassies għall-poplu t’Iżrael. Meta tismagħni nkellmek, int għandek twissihom għalija. 18 Meta ngħid lil xi ħadd ħażin, ‘Int żgur se tmut,’ imma ma twissihx u lanqas tavża l-ħażin biex ma jibqax jagħmel il-ħażen ħalli b’hekk jibqaʼ ħaj, hu jmut minħabba l-iżball tiegħu għax hu ħażin, imma se nżomm lilek responsabbli għad-demm tiegħu. 19 Imma jekk twissi lil xi ħadd ħażin u dan xorta jibqaʼ jagħmel il-ħażen u jibqaʼ fit-triq il-ħażina, hu se jmut għall-iżball tiegħu, imma int żgur li ssalva ħajtek.* 20 Imma meta xi ħadd ġust ma jibqax jagħmel dak li hu tajjeb u jagħmel dak li hu ħażin,* jien se npoġġi ostakli quddiemu, u hu jmut. Jekk ma twissihx, hu jmut għad-dnub tiegħu u l-affarijiet tajbin li jkun għamel jintesew, imma se nżomm lilek responsabbli għad-demm tiegħu. 21 Imma jekk tkun wissejt lil xi ħadd ġust biex ma jidnibx, u dan ma jidnibx, hu żgur li jibqaʼ ħaj għax ikun ġie mwissi, u int issalva ħajtek.”*
22 Hemmhekk ġiet fuqi l-qawwa taʼ Ġeħova, u hu qalli: “Qum, mur fil-pjanura tal-wied, u se nkellmek hemmhekk.” 23 Għalhekk, qomt u mort fil-pjanura tal-wied, u kien hemm il-glorja taʼ Ġeħova bħall-glorja li kont rajt ħdejn ix-Xmara Kebar, u nżilt wiċċi mal-art. 24 Imbagħad daħal fija l-ispirtu t’Alla u qajjimni fuq saqajja, u qalli:
“Mur id-dar tiegħek u ibqaʼ hemm. 25 Bin il-bniedem, lilek se jorbtuk bil-ħbula ħalli ma tkunx tistaʼ tmur f’nofshom. 26 U jien se nwaħħallek ilsienek mas-saqaf taʼ ħalqek, u int se ssir mutu u ma tkunx tistaʼ twissihom, għax huma nies ribellużi. 27 Imma meta nkellmek, se tkun tistaʼ terġaʼ titkellem, u għandek tgħidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’ Min irid jismaʼ, ħa jismaʼ, u min ma jridx jismaʼ, ma jismax, għax huma nies ribellużi.