Eżekjel
31 Fl-ewwel jum tat-tielet xahar tal-11-il sena, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lill-Fargħun ir-re tal-Eġittu u lill-folol tan-nies tiegħu,
‘Min hu bħalek fil-kobor tiegħek?
3 Int bħal Assirjan, bħal siġra taċ-ċedri fil-Libanu,
Għolja ħafna u bi friegħi sbieħ li huma bħal siġar żgħar li jagħmlu d-dell;
Il-parti taʼ fuq tagħha kienet fis-sħab.
4 Kibret bl-ilmijiet u għoliet ħafna bl-għejun fondi tal-ilma
Ix-xmajjar kienu mad-dawra kollha fejn kienet imħawla;
Il-kanali tagħhom saqqew is-siġar kollha.
5 Hu għalhekk li għoliet iktar mis-siġar l-oħra kollha.
Il-friegħi tagħha żdiedu u twalu
Minħabba li fix-xmajjar tagħha hemm ħafna ilma.
6 L-għasafar kollha għamlu l-bejta fil-friegħi tagħha,
L-annimali slavaġ welldu taħt il-friegħi tagħha,
U l-popli kbar kollha għexu taħt id-dell tagħha.
7 Hi saret sabiħa fil-kobor u bil-friegħi twal tagħha.
L-għeruq tagħha niżlu fil-ħafna ilmijiet.
8 L-ebda siġra taċ-ċedri fil-ġnien t’Alla ma setgħet titqabbel magħha.
Ma kienx hemm siġra tal-ġnibru bi friegħi bħal tagħha,
U l-ebda siġra tad-dolf ma setgħet titqabbel mal-friegħi tagħha.
Ma kienx hemm siġra oħra fil-ġnien t’Alla li kellha s-sbuħija tagħha.
9 Jien għamiltha sabiħa b’ħafna weraq,
U s-siġar l-oħra kollha tal-Għeden, il-ġnien tal-Alla l-veru, kienu jgħiru għaliha.’
10 “Għalhekk, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid, ‘Peress li għoliet ħafna, tant li baqgħet tielgħa fis-sħab, u qalbha tkabbret minħabba l-għoli tagħha, 11 jien se nagħtiha lill-mexxej b’saħħtu tal-popli. Hu żgur se jaġixxi kontriha, u jien se nwarrabha minħabba l-ħażen tagħha. 12 U l-barranin, l-iktar nies kattivi mill-popli, se jaqtgħuha u jabbandunawha fuq il-muntanji, u l-weraq tagħha jaqaʼ fil-widien kollha u l-friegħi tagħha jinkisru u jaqgħu fix-xmajjar kollha tal-pajjiż. In-nies kollha tal-art se jitilqu minn taħt id-dell tagħha u jabbandunawha. 13 L-għasafar kollha se jgħixu fuq iz-zokk imwaqqaʼ tagħha, u l-annimali slavaġ fuq il-friegħi tagħha. 14 B’hekk, qatt iktar mhu se jkun hemm siġra mdawra bl-ilmijiet li titlaʼ jew togħla fis-sħab. Għax huma żgur li kollha se jingħataw lill-mewt, l-art taʼ taħt, flimkien man-nies li neżlin fil-ħofra.’*
15 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Dakinhar li hi tinżel fil-Qabar,* jien se nġib id-dwejjaq minħabba dan. Għalhekk, jien se nżomm l-ilmijiet fondi u x-xmajjar tagħha biex il-ħafna ilmijiet jieqfu. Minħabba f’hekk, jien se nġib dalma fuq il-Libanu, u s-siġar kollha se jinxfu. 16 Mal-ħoss tal-waqgħa tagħha, jien se nġiegħel lill-popli jitriegħdu meta nniżżilha fil-Qabar* flimkien maʼ dawk li neżlin fil-ħofra,* u s-siġar kollha tal-Għeden, l-aqwa u l-aħjar siġar tal-Libanu, dawk kollha li huma msoqqijin sew, se jħossuhom aħjar fl-art taʼ taħt. 17 Huma niżlu fil-Qabar* miegħu,* ħdejn dawk li nqatlu bix-xabla, flimkien maʼ dawk li appoġġawh u li għexu fid-dell tiegħu fost il-popli.’
18 “‘Liema siġra fl-Għeden kienet bħalek fil-glorja u l-kobor? Imma int żgur li se tmut mas-siġar tal-Għeden u tinżel fl-art taʼ taħt. Int se tkun mimdud maʼ dawk l-uħud mhux ċirkonċiżi li nqatlu bix-xabla. Dan se jiġri lill-Fargħun u l-folol kollha tan-nies tiegħu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”