Eżekjel
32 U fl-ewwel jum tat-12-il xahar tat-12-il sena, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, kanta għanja taʼ swied il-qalb dwar il-Fargħun ir-re tal-Eġittu u għidlu,
‘Int kont bħal iljun b’saħħtu għall-popli,
Imma ġejt imsikket.
Int kont bħall-monstru tal-baħar u bdejt tagħti fix-xmajjar tiegħek,
Iddardar l-ilmijiet b’saqajk, u tħammeġ ix-xmajjar.’*
3 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*
‘Permezz taʼ ħafna popli miġburin flimkien, jien se nitfaʼ x-xibka tiegħi fuqek,
U huma se jiġbduk bix-xibka kbira tiegħi.
4 Jien se nabbandunak fl-art;
Se nwaddbek f’nofs l-għelieqi.
Se nġiegħel l-għasafar kollha jinżlu fuqek
U l-annimali slavaġ kollha jixbgħu bik.
5 Jien se nwaddab il-ġisem tiegħek fuq il-muntanji
U nimla l-widien b’dak li jifdal minnek.
7 “‘Meta neqirdek, jien se ngħatti s-sema u ndallam l-istilel tagħha.
Jien se ngħatti x-xemx bis-sħab,
U l-qamar mhux se jagħti d-dawl.
8 Jien se ndallam ix-xemx, il-qamar, u l-istilel minħabba fik,
U se nġib dalma fuq pajjiżek,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
9 ‘Se nimla l-qalb taʼ ħafna nies bid-dwejjaq meta nieħu l-ilsiera tiegħek għand popli oħra,
F’pajjiżi li int ma tafx bihom.
10 Jien se nġiegħel lil ħafna nies jibqgħu mbellhin,
U r-rejiet tagħhom se jitwerwru bil-biżaʼ minħabba fik meta nxejjer ix-xabla tiegħi quddiemhom.
Dakinhar li se tinqered,
Huma se jibqgħu jitriegħdu għax jibżgħu li se jmutu.’
11 Għax hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:
‘Ix-xabla tar-re taʼ Babilonja se tiġi fuqek.
12 Jien se nġiegħel lill-folol tan-nies tiegħek imutu bix-xwabel taʼ gwerriera b’saħħithom,
L-iktar gwerriera kattivi tal-popli, kollha kemm huma.
Huma se jġibu fix-xejn il-kburija tal-Eġittu, u l-folol tan-nies kollha tiegħu se jinqerdu għalkollox.
13 Jien se neqred il-bhejjem kollha tiegħu maġenb il-ħafna ilmijiet li għandu,
U l-ebda sieq taʼ bniedem jew taʼ bhima mhu se terġaʼ ddardarhom.’
14 ‘F’dak iż-żmien, jien se nnaddaf l-ilmijiet tagħhom,
U l-ilma tax-xmajjar tagħhom se nġiegħlu jinżel bħaż-żejt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
15 ‘Meta nagħmel l-Eġittu art abbandunata u nneħħilha dak kollu li kellha,
Meta noqtol lin-nies kollha li hemm ġo fiha,
Huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.
16 Din hi għanja taʼ swied il-qalb, u n-nies żgur li se jkantawha;
In-nisa tal-popli se jkantawha.
Huma se jkantawha għall-Eġittu u għall-folol kollha tiegħu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
17 Imbagħad fil-15-il jum tax-xahar* tat-12-il sena, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 18 “Bin il-bniedem, ibki għall-folol tan-nies tal-Eġittu u għid li huma u n-nies tal-popli b’saħħithom se jinqerdu maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.*
19 “‘Taħseb li int isbaħ minn ħaddieħor? Int se tmut u timtedd maʼ dawk li mhumiex ċirkonċiżi!’
20 “‘L-Eġizzjani se jaqgħu mejtin fost dawk li nqatlu bix-xabla. L-Eġittu se jinqered bix-xabla; kaxkruh ’l hemm mal-folol kollha tan-nies tiegħu.
21 “‘Minn qiegħ il-Qabar,* l-iżjed gwerriera b’saħħithom se jkellmu lilu u lil dawk li jgħinuh. L-Eġizzjani żgur li se jinqatlu bix-xabla u jimteddu bħal dawk li mhumiex ċirkonċiżi. 22 L-Assirja qiegħda hemm mal-folla kollha tagħha. L-oqbra kollha tagħhom huma madwaru,* kollha kemm huma mietu bix-xabla. 23 L-oqbra tagħha qegħdin fil-qiegħ tal-ħofra,* u l-folla tagħha qegħdin madwar il-qabar tagħha, peress li meta kienu ħajjin werwru lin-nies. Kollha kemm huma mietu bix-xabla.
24 “‘Il-pajjiż t’Għelam qiegħed hemm mal-folol kollha tan-nies tiegħu madwar il-qabar tiegħu, kollha kemm huma mietu bix-xabla. Huma niżlu fl-art taʼ taħt maʼ dawk li mhumiex ċirkonċiżi, dawk li meta kienu ħajjin werwru lin-nies. Issa se jkollhom jistħu maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.* 25 Ġie ppreparat qabar għal Għelam fost dawk li ġew maqtulin, u l-folol kollha tan-nies tiegħu huma mdawrin mal-qabar tiegħu. Ħadd minnhom mhu ċirkonċiż u huma nqatlu bix-xabla, għax meta kienu ħajjin werwru lin-nies. Huma se jkollhom jistħu maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.* Hu ġie mitfugħ mal-maqtulin.
26 “‘Hemmhekk fejn hemm l-art taʼ Mesek u Tubal u l-folol kollha tan-nies tagħhom. L-oqbra kollha tagħhom huma madwaru.* Ħadd minnhom mhu ċirkonċiż u huma ġew minfudin bix-xabla, għax meta kienu ħajjin werwru lin-nies. 27 Huma se jimteddu mal-gwerriera b’saħħithom li mhumiex ċirkonċiżi u li niżlu fil-Qabar* bl-armi tagħhom tal-gwerra. In-nies se jpoġġu x-xwabel tagħhom taħt rashom* u d-dnubiet tagħhom fuq l-għadam tagħhom, għax meta dawn il-gwerriera b’saħħithom kienu ħajjin werwru lin-nies. 28 Imma int se titkisser fost dawk li mhumiex ċirkonċiżi, u se timtedd maʼ dawk li nqatlu bix-xabla.
29 “‘Edom qiegħed hemm mar-rejiet u l-kapijiet kollha tiegħu, li minkejja l-qawwa tagħhom, huma tpoġġew fost dawk li nqatlu bix-xabla. Huma wkoll se jimteddu maʼ dawk li mhumiex ċirkonċiżi u maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.*
30 “‘Hemmhekk il-mexxejja* kollha tat-Tramuntana u s-Sidonin kollha spiċċaw niżlu umiljati maʼ dawk li nqatlu, minkejja li kienu werwru n-nies bil-qawwa tagħhom. Huma se jimteddu mhux ċirkonċiżi maʼ dawk li nqatlu bix-xabla u se jkollhom jistħu maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.*
31 Il-Fargħun se jara dan kollu, u se jħossu aħjar dwar dak kollu li ġara lill-folol tan-nies tiegħu. Il-Fargħun u l-armata kollha tiegħu se jinqatlu bix-xabla,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
32 “‘Peress li meta l-Fargħun kien ħaj werwer lin-nies, hu u l-folol kollha tan-nies tiegħu se jistrieħu maʼ dawk li mhumiex ċirkonċiżi, maʼ dawk li nqatlu bix-xabla,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”