Eżekjel
33 U rċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lill-poplu tiegħek,
“‘Ejja ngħidu li nġib xabla kontra pajjiż, u n-nies kollha taʼ dan il-pajjiż jagħżlu raġel u jagħmluh bħala għassies għalihom, 3 u hu jara x-xabla ġejja kontra l-pajjiż u jdoqq il-qarn u javża lin-nies. 4 Jekk xi ħadd jismaʼ l-ħoss tal-qarn, imma ma jagħtix kas it-twissija u x-xabla tiġi u toqtlu, hu jkun ħati tal-mewt tiegħu* stess. 5 Hu jkun semaʼ l-ħoss tal-qarn, imma ma tax kas it-twissija. Demmu stess ikun fuqu nnifsu. Kieku qagħad attent għat-twissija, kien isalva ħajtu.
6 “‘Imma jekk l-għassies jara x-xabla ġejja u ma jdoqqx il-qarn u n-nies ma jirċivux twissija u x-xabla tiġi u toqtol lil xi ħadd minnhom, din il-persuna se tmut minħabba l-iżball tagħha stess, imma jien se nżomm lill-għassies responsabbli għad-demm tal-persuna.’
7 “Bin il-bniedem, jien inkarigajtek bħala għassies għall-poplu t’Iżrael; meta tismagħni nkellmek int għandek twissihom għalija. 8 Meta ngħid lil xi ħadd ħażin, ‘Int żgur se tmut, ja ħażin!’ imma ma tavżahx biex ma jibqax jagħmel il-ħażen, hu se jmut bħala raġel ħażin minħabba l-iżball tiegħu stess, imma jien se nżomm lilek responsabbli għad-demm tiegħu. 9 Imma jekk twissi lil xi ħadd ħażin biex ma jibqax jagħmel il-ħażen, u dan jirrifjuta li jbiddel il-mod kif jaġixxi, hu se jmut għall-iżball tiegħu, imma int żgur li ssalva ħajtek.
10 “Bin il-bniedem, għid lill-poplu t’Iżrael, ‘Intom għedtu: “L-affarijiet ribellużi li għamilna u d-dnubiet tagħna huma bħal tagħbija tqila fuqna u qed iġibuna fix-xejn, allura kif se nibqgħu ngħixu?”’ 11 Għidilhom, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid, ‘“Naħlef bija nnifsi daqs kemm jien ħaj li ma niħux pjaċir bil-mewt taʼ xi ħadd ħażin, imma li xi ħadd ħażin ibiddel il-mod taʼ kif qed jaġixxi u jibqaʼ jgħix. Duru lura, duru lura mit-triq il-ħażina li qegħdin fiha, għala għandkom tmutu, poplu t’Iżrael?”’
12 “Bin il-bniedem, għid lill-poplu tiegħek, ‘Il-ġustizzja tar-raġel ġust mhux se ssalvah meta jirribella. Lanqas il-ħażen tar-raġel ħażin mhu se jġiegħlu jbati meta jdur lura mill-ħażen tiegħu. U l-ebda persuna ġusta mhu se tibqaʼ tgħix minħabba l-ġustizzja tagħha fil-jum li tidneb. 13 Meta jien ngħid lill-ġust: “Int żgur se tibqaʼ tgħix,” u hu jafda fil-ġustizzja tiegħu u jagħmel dak li hu ħażin,* l-affarijiet tajbin kollha li jkun għamel jintesew, imma hu se jmut minħabba l-ħażen li jkun għamel.
14 “‘U meta ngħid lill-ħażin: “Int żgur li tmut,” u hu ma jibqax jagħmel id-dnubiet li jkun qed jagħmel u jagħmel dak li hu ġust u sewwa, 15 u l-ħażin jagħti lura dak li jkun ħa bħala garanzija taʼ self u dak li seraq, u jobdi l-liġijiet li jagħtu l-ħajja billi ma jagħmilx dak li hu ħażin, hu żgur li jibqaʼ jgħix. Hu ma jmutx. 16 Jien mhux se nikkastigah* għad-dnubiet li jkun għamel. Talli jkun qed jagħmel dak li hu ġust u sewwa, hu żgur jibqaʼ ħaj.’
17 “Imma n-nies tiegħek qalu, ‘Dak li jagħmel Ġeħova mhux ġust,’ meta fil-verità dak li jagħmlu huma mhuwiex ġust.
18 “Meta xi ħadd ġust ma jibqax jagħmel dak li hu tajjeb u jagħmel dak li hu ħażin, għandu jmut. 19 Imma meta xi ħadd ħażin ma jibqax jagħmel dak li hu ħażin u jagħmel dak li hu ġust u sewwa, hu jibqaʼ ħaj.
20 “Imma intom għedtu, ‘Dak li jagħmel Ġeħova mhux ġust.’ Poplu t’Iżrael, jien se niġġudika lil kull wieħed minnkom skont dak li jagħmel.”
21 Fl-aħħar, fil-ħames jum tal-għaxar xahar tat-12-il sena li konna ilna fl-eżilju, raġel li ħarab minn Ġerusalemm ġie għandi u qalli: “Il-belt waqgħet!”
22 Issa filgħaxija, qabel ġie għandi dak ir-raġel li ħarab, il-qawwa taʼ Ġeħova ġiet fuqi u b’hekk stajt nerġaʼ nitkellem. Filgħodu, meta dak ir-raġel ġie għandi ma kontx għadni mutu.
23 Imbagħad irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 24 “Bin il-bniedem, dawk li qed jgħixu fl-art t’Iżrael fil-postijiet imħarbtin qed jgħidu, ‘Abraham kien wieħed biss u hu xorta ħa l-art. Imma aħna qegħdin ħafna, allura żgur li l-art hi tagħna.’
25 “Għalhekk għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Intom qed tieklu ikel bid-demm, tafdaw fl-idoli moqżieża* tagħkom, u tkomplu xxerrdu d-demm. Allura għala għandu jkollkom l-art? 26 Intom fdajtu fix-xabla tagħkom, ħadtu sehem f’affarijiet diżgustanti, u kull wieħed minnkom mar mal-mara taʼ ħaddieħor. Allura għala għandu jkollkom l-art?”’
27 “Hekk għandek tgħidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li dawk li qed jgħixu fil-postijiet imħarbtin se jmutu bix-xabla, dawk li qegħdin fl-għelieqi se nagħtihom bħala ikel lill-annimali slavaġ, u dawk li qegħdin fil-fortizzi u l-għerien se jmutu bil-mard. 28 U nagħmel il-pajjiż art abbandunata u ħerba għalkollox, u l-arroganza u l-kburija tiegħu se jiġu fix-xejn, u l-muntanji t’Iżrael se jkunu abbandunati, u ħadd ma jgħaddi minn hemm. 29 U huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nagħmel il-pajjiż art abbandunata u ħerba għalkollox minħabba l-affarijiet moqżieża kollha li għamlu.”’
30 “Bin il-bniedem, in-nies tiegħek qed jitkellmu maʼ xulxin dwarek ħdejn il-ħitan u fil-bibien tad-djar. Huma qed jgħidu lil xulxin, kull wieħed lil ħuh, ‘Ejja, ħa nisimgħu dak li qed jgħid Ġeħova.’ 31 Huma jidħlu u joqogħdu bilqiegħda quddiemek bħala l-poplu tiegħi; u jisimgħu dak li tgħidilhom, imma ma jagħmluhx. Għax huma jfaħħruk biex jintgħoġbu,* imma rgħiba biex jakkwistaw affarijiet b’mod diżonest. 32 Għalihom, int bħal għanja taʼ mħabba romantika, li kantaha xi ħadd b’leħen sabiħ u li jaf idoqq sew l-istrument tal-korda. Huma jisimgħuh dak li tgħid, imma ħadd ma jagħmlu. 33 U meta jseħħ dan kollu, u se jseħħ żgur, huma se jkollhom ikunu jafu li kien hemm profeta f’nofshom.”