Eżekjel
34 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ipprofetizza kontra r-ragħajja t’Iżrael. Ipprofetizza u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Ħażin għalikom, ragħajja t’Iżrael, li qed titimgħu lilkom infuskom! Ir-ragħajja mhux lill-merħla għandhom jitimgħu? 3 Intom tieklu x-xaħam, tilbsu ħwejjeġ magħmulin mis-suf, u toqtlu l-iktar annimali msemmnin, imma ma titimgħux lill-merħla. 4 Lid-dgħajfin ma saħħaħtuhomx, lill-morda ma fejjaqtuhomx, lill-imweġġgħin ma nfaxxajtuhomx, lil dawk li tbiegħdu ma ġibtuhomx lura, u lil dawk li ntilfu ma fittixtuhomx; minflok, intom ikkontrollajtuhom bl-aħrax u b’mod tirann. 5 Huma tferrxu minħabba li ma kienx hemm ragħaj, u saru ikel għal kull annimal salvaġġ. 6 In-nagħaġ tiegħi kienu qed jiġġerrew fuq il-muntanji kollha u fuq kull għolja kbira; in-nagħaġ tiegħi kienu mxerrdin mad-dinja kollha, u ħadd ma kien qed ifittixhom.
7 “‘“Allura ragħajja, isimgħu l-messaġġ taʼ Ġeħova: 8 ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li żgur se naġixxi, għax in-nagħaġ tiegħi saru priża, ikel għal kull annimal salvaġġ. Dan peress li ma kien hemm ebda ragħaj u r-ragħajja tiegħi ma fittxewx in-nagħaġ tiegħi; minflok, huma baqgħu jitimgħu lilhom infushom u ma temgħux in-nagħaġ tiegħi,”’ 9 allura, intom ir-ragħajja, isimgħu l-messaġġ taʼ Ġeħova. 10 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien kontra r-ragħajja u se nitlob kont minnhom għan-nagħaġ tiegħi,* u mhux se nħallihom jitimgħu* n-nagħaġ tiegħi, u r-ragħajja mhux se jibqgħu jitimgħu lilhom infushom. Jien se nsalva n-nagħaġ tiegħi minn ħalqhom, u mhux se jibqgħu iktar bħal ikel għalihom.’”
11 “‘‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien, iva jien stess, se nfittex lin-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. 12 Jien se nieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħi bħal ragħaj li sab in-nagħaġ imxerrdin tiegħu u qed jitmagħhom. Meta jkun imsaħħab u mdallam ħafna, jien se nsalvahom mill-postijiet kollha li huma mxerrdin fihom. 13 Jien se noħroġhom mill-popli u niġborhom flimkien mill-pajjiżi. Se nġibhom fl-art tagħhom u nitmagħhom fuq il-muntanji t’Iżrael, ħdejn ix-xmajjar u l-postijiet li jgħixu fihom in-nies tal-pajjiż. 14 Jien se niħodhom jieklu f’art tajba mimlija ħaxix, u l-art fejn jirgħaw se tkun fuq il-muntanji għoljin t’Iżrael. Huma se jimteddu f’art tajba u se jieklu l-aqwa ħaxix fuq il-muntanji t’Iżrael.”
15 “‘“Jien stess se nitmaʼ n-nagħaġ tiegħi u se nagħtihom post fejn jistrieħu,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 16 “Jien se nfittex lill-waħda mitlufa, se nġib lura lil dik li tbiegħdet, se ninfaxxa lill-imweġġgħa, u se nsaħħaħ lid-dgħajfa, imma se neqred għalkollox lill-ħoxna u dik b’saħħitha. Jien se niġġudikahom u nikkastigahom skont dak li ħaqqhom.”
17 “‘Nagħaġ tiegħi, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien wasalt biex niġġudika bejn nagħġa u oħra, bejn l-imtaten u l-bdabad. 18 Mhuwiex biżżejjed għalikom li tieklu mill-aqwa art mimlija ħaxix? Għandkom ukoll tgħaffġu b’saqajkom fuq il-kumplament? U wara li tixorbu mill-iktar ilma nadif, għandkom tħammġu l-ilma billi ddaħħlu saqajkom fih? 19 Għandhom in-nagħaġ tiegħi jieklu l-ħaxix li għaffiġtu intom u jixorbu l-ilma li ħammiġtu?”
20 “‘Għalhekk, hekk jgħidilhom Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien, iva jien stess, se niġġudika bejn nagħġa ħoxna u nagħġa rqiqa, 21 għax intom bqajtu timbottaw b’ġenbejkom u bi spallejkom, u bqajtu tagħtu bil-qrun lil dawk morda sakemm xerridtuhom. 22 U jien se nsalva n-nagħaġ tiegħi, u huma mhux se jibqgħu jkunu ikel għall-annimali; u jien se nagħmel ġudizzju bejn nagħġa u oħra. 23 U se nqiegħed fuqhom ragħaj wieħed, il-qaddej tiegħi David, u hu se jitmagħhom. Hu stess se jitmagħhom u jsir ir-ragħaj tagħhom. 24 U jien, Ġeħova, insir l-Alla tagħhom, u l-qaddej tiegħi David isir il-mexxej tagħhom. Jien stess, Ġeħova, tkellimt.
25 “‘“U jien se nagħmel patt taʼ paċi magħhom, u se neqred mill-pajjiż il-bhejjem feroċi, ħalli jkunu jistgħu jgħixu fis-sigurtà fid-deżert u jorqdu fil-foresti. 26 Se nagħmel lilhom u l-inħawi taʼ madwar l-għolja tiegħi barka, u nġiegħel ix-xita tinżel f’waqtha. Se jkun hemm xita taʼ barkiet. 27 Is-siġar se jagħtu l-frott tagħhom, u l-art se tagħti l-prodott tagħha, u huma se jgħixu fis-sigurtà fil-pajjiż. U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nkisser il-madmad tagħhom u neħlishom minn dawk li għamluhom ilsiera. 28 Il-popli mhux se jibqgħu jaħtfuhom bħala priża, u l-bhejjem slavaġ mhux se jibilgħuhom, u huma se jgħixu fis-sigurtà mingħajr ma jbeżżagħhom ħadd.
29 “‘“Jien se nagħtihom art li ssir famuża għal dak li jikber fiha, u mhux se jibqgħu jmutu bil-ġuħ fil-pajjiż, u mhux se jibqgħu jiġu umiljati mill-popli. 30 ‘Imbagħad se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova l-Alla tagħhom, qiegħed magħhom, u li huma, l-Iżraelin, huma l-poplu tiegħi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’
31 “‘Nagħaġ tiegħi, in-nagħaġ li nieħu ħsieb, intom sempliċi bnedmin u jien l-Alla tagħkom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”