Eżekjel
35 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn ir-reġjun muntanjuż tas-Segħir u pprofetizza kontrih. 3 Għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Reġjun muntanjuż tas-Segħir, jien kontrik u se nuża l-qawwa tiegħi kontrik u nagħmlek abbandunat għalkollox. 4 Il-bliet tiegħek se nagħmilhom ħerba, u int se ssir art abbandunata; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova. 5 Dan għax int bqajt turi mibegħda lejn l-Iżraelin u tajthom biex jinqerdu bix-xabla fiż-żmien tad-diżastru tagħhom, fi żmien li jiġu kkastigati.”’
6 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Naħlef bija nnifsi daqs kemm jien ħaj li jien se nippreparakom biex id-demm tagħkom jiġi mxerred u l-mewt tiġri warajkom. Peress li intom kontu tobogħdu d-demm li xerridtu,* il-mewt se tiġri warajkom. 7 Ir-reġjun muntanjuż tas-Segħir se nagħmlu art abbandunata, u se noqtol lil kull min jgħaddi minn hemm jew jerġaʼ lura hemm. 8 Il-muntanji tiegħu se nimliehom b’dawk maqtulin; u dawk li se jinqatlu bix-xabla se jaqgħu fuq l-għoljiet tiegħek, fil-widien tiegħek, u fix-xmajjar kollha tiegħek. 9 Jien se nagħmlek art abbandunata għal dejjem u mhux se jgħixu nies fil-bliet tiegħek; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.’
10 “Peress li għedt, ‘Dawn iż-żewġ popli u dawn iż-żewġ pajjiżi se jsiru tiegħi, u se niħodhom it-tnejn,’ għalkemm Ġeħova nnifsu kien hemm, 11 ‘għalhekk, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li se naġixxi miegħek bl-istess rabja u għira li int urejt peress li kont tobgħod il-poplu tiegħi; u jien se nurihom min jien meta niġġudikak. 12 Imbagħad int se jkollok tkun taf li jien stess, Ġeħova, smajt l-affarijiet ħżiena li int għedt kontra l-muntanji t’Iżrael meta għedt, “Saru ħerba u ngħataw lilna biex naħtfuhom.”* 13 U int tkellimt b’arroganza kontrija, u bqajt tgħid affarijiet ħżiena kontrija. Jien smajt kollox.’
14 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Id-dinja kollha se tifraħ meta nagħmlek art abbandunata għalkollox. 15 Bħalma int fraħt meta l-wirt tal-poplu t’Iżrael tħalla abbandunat, jien hekk se naġixxi miegħek. Reġjun muntanjuż tas-Segħir, int se ssir abbandunat u ħerba, iva, Edom kollu kemm hu; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.’”