Eżekjel
36 “Bin il-bniedem, ipprofetizza dwar il-muntanji t’Iżrael u għidilhom, ‘Muntanji t’Iżrael, isimgħu dak li għandu x’jgħid Ġeħova. 2 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “L-għadu qal kontrik, ‘Anki l-postijiet għoljin tal-qedem saru tagħna!’”’
3 “Għalhekk, ipprofetizza u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Peress li ħarbtukom u attakkawkom minn kull direzzjoni ħalli ssiru taʼ popli oħrajn* u n-nies jibqgħu jitkellmu dwarkom u jimmalafamawkom, 4 allura, muntanji t’Iżrael, isimgħu dak li jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox! Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lill-muntanji u l-għoljiet, lix-xmajjar u l-widien, lill-postijiet imħarbtin li ġew abbandunati, u lill-bliet abbandunati li nsterqu u twaqqgħu għaċ-ċajt mill-bqija tal-popli taʼ madwarhom; 5 lil dawn, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħidilhom: ‘Jien se nitkellem biż-żelu tiegħi li jaħraq bħan-nar kontra dawk li baqaʼ mill-popli u kontra Edom kollu, dawk li b’ferħ kbir u bi tmaqdir* qalu li l-art tiegħi hi tagħhom, biex jieħdu f’idejhom fejn jirgħaw l-annimali u jisirquha.’”’
6 “Allura, ipprofetizza dwar l-art t’Iżrael, u għid lill-muntanji u l-għoljiet, u lix-xmajjar u l-widien, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nitkellem b’żelu u b’rabja kbira, għax il-popli umiljawkom.”’
7 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien stess se ngħolli idi biex naħlef li l-popli taʼ madwarkom stess se jiġu umiljati. 8 Imma intom, muntanji t’Iżrael, se jkollkom siġar b’ħafna friegħi u b’ħafna frott għall-poplu tiegħi Iżrael, għax huma dalwaqt se jiġu lura. 9 Għax jien magħkom u se nieħu ħsiebkom, u se tiġu kkultivati u miżrugħin. 10 Jien se nżid ħafna lill-poplu tagħkom, lill-poplu kollu kemm hu t’Iżrael, u fil-bliet se jgħixu n-nies u l-postijiet imħarbtin se jerġgħu jinbnew. 11 Iva, jien se nżid ħafna l-popli tagħkom u l-imrieħel tagħkom; dawn se jiżdiedu u se jkollhom ħafna. U jien se nara li intom jerġaʼ jkollkom in-nies joqogħdu fikom bħal qabel u se tkunu aħjar mill-passat; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. 12 Jien se nġiegħel il-poplu tiegħi, il-poplu t’Iżrael, jimxu fuqkom u dawn se jiħdukom f’idejhom. Intom se ssiru l-wirt tagħhom, u qatt iktar mhu se terġgħu tħalluhom bla tfal.’”
13 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Talli qed jgħidulkom: “Int pajjiż li tiblaʼ n-nies u tħalli l-poplu tiegħu bla tfal,”’ 14 ‘allura, intom mhux se tibqgħu tibilgħu n-nies jew tħallu l-poplu tagħkom bla tfal,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 15 ‘Mhux se nħallikom tisimgħu iktar il-kliem li jweġġaʼ tal-ġnus jew tissaportu t-tgħajjir tan-nies, u intom mhux se tibqgħu tfixklu l-popli tagħkom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
16 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 17 “Bin il-bniedem, meta l-poplu t’Iżrael kienu qed jgħixu fl-art tagħhom, huma niġġsuha b’dak li għamlu u b’kif aġixxew. Dak li għamlu kien bħan-nuqqas taʼ ndafa li jkollha mara meta jkollha t-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar. 18 Allura wrejthom ir-rabja kbira tiegħi minħabba d-demm li xerrdu fil-pajjiż u minħabba li l-pajjiż niġġsuh bl-idoli moqżieża* tagħhom. 19 Allura jien ferrixthom fost il-popli u xerridthom fost il-pajjiżi. Jien iġġudikajthom skont dak li għamlu u kif aġixxew. 20 Imma meta marru għand dawn il-popli, in-nies bdew jiddiżonoraw lill-isem qaddis tiegħi billi bdew jgħidu dwarhom, ‘Dawn huma l-poplu taʼ Ġeħova, imma kellhom jitilqu mill-pajjiż tagħhom.’ 21 Allura jien se naġixxi minħabba ismi l-qaddis, li l-poplu t’Iżrael iddiżonora fost il-ġnus li marru fihom.”
22 “Għalhekk għid lill-poplu t’Iżrael, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Poplu t’Iżrael, jien m’iniex qed nagħmel dan minħabba fikom, imma minħabba ismi l-qaddis, li intom iddiżonorajtu fost il-ġnus li mortu fihom.”’ 23 ‘Jien żgur li se nqaddes ismi l-kbir, li ġie ddiżonorat fost il-popli, li intom iddiżonorajtu fosthom; u l-popli se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta niġi mqaddes fostkom quddiem għajnejhom, jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 24 Jien se niħodkom mill-popli, niġborkom mill-pajjiżi kollha, u nġibkom lura fil-pajjiż tagħkom. 25 Jien se nraxxax fuqkom ilma nadif, u intom issiru nodfa; jien se nnaddafkom minn kull nuqqas taʼ ndafa tagħkom u se nneħħi l-idoli kollha moqżieża tagħkom. 26 Jien se nagħtikom qalb ġdida u se nbiddel il-mod kif taħsbu.* Se nneħħilkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam.* 27 Jien se nagħtikom l-ispirtu qaddis tiegħi u se nqanqalkom biex tagħmlu r-regoli tiegħi, u intom se tobdu u żżommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi. 28 Imbagħad intom se tgħixu fl-art li tajt lil missirijietkom, u ssiru l-poplu tiegħi u jien insir l-Alla tagħkom.’
29 “‘Jien se neħliskom minn kull nuqqas taʼ ndafa tagħkom. Se nġiegħel li jkun hemm abbundanza taʼ ċereali* u mhux se nġib ġuħ fuqkom. 30 Jien se nara li jkun hemm ħafna frott tas-siġar u prodott tal-art, ħalli qatt iktar ma terġgħu tiġu umiljati fost il-popli minħabba l-ġuħ. 31 Imbagħad intom se tiftakru fl-imġiba mill-agħar u l-affarijiet mhux tajbin li għamiltu, u se titqażżu lilkom infuskom minħabba d-dnubiet u l-affarijiet moqżieża tagħkom. 32 Imma kunu afu li jien mhux qed nagħmel dan minħabba fikom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Minflok, misskom tistħu u tħossukom umiljati minħabba kif iġġibu ruħkom, poplu t’Iżrael.’
33 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Dakinhar li nnaddafkom mid-dnubiet kollha tagħkom, jien se nagħmel mod li fil-bliet joqogħdu n-nies u li l-postijiet imħarbtin jerġgħu jinbnew. 34 U l-art abbandunata li kien jaraha kull min jgħaddi minn hemm, se tiġi kkultivata. 35 U n-nies se jgħidu: “L-art abbandunata saret bħall-ġnien tal-Għeden, u l-bliet li kienu ħerba, abbandunati, u mwaqqgħin, issa huma ffortifikati u joqogħdu n-nies fihom.” 36 U l-popli li tħallew taʼ madwarek se jkollhom ikunu jafu li jien stess, Ġeħova, bnejt dak li twaqqaʼ u ħawwilt dak li kien abbandunat. Jien stess, Ġeħova, tkellimt u hekk għamilt.’
37 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien se nħalli lill-poplu t’Iżrael jitolbuni biex inżid il-popolazzjoni tagħhom bħal ħafna nagħaġ, u hekk se nagħmel. 38 Bħal folla taʼ nies qaddisin, bħall-merħla f’Ġerusalemm* matul il-festi, il-bliet li kienu ħerba se jimtlew b’folol taʼ nies; u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”